Lokali Parlament

Mhux aċċettabbli l-inkjesti jdumu s-snin

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-parlament li mhux aċċettabbli l-inkjesti dwar traġedji fuq il-post tax-xogħol idumu s-snin.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament Ryan Callus semma’ r-rapport tal-2009 u ieħor tal-2017 magħmula mill-Kumitat tas-Senior Labour Inspector dwar l-OHSA u li kkonkludew li mhux ideali li jkun hemm konklużjoni tal-OHSA u oħra differenti tal-inkjesta tal-maġistrat.

Hu sostna li għalhekk jeħtieġ tibdil fil-leġiżlazzjoni u kompla li l-Oppożizzjoni għandha riservi ndirizzati fuq tħassib dwar l-integrità tal-inkjesta. L-OHSA għandu jkollha d-dritt li tkun preżenti fl-aċċess għaliex l-ewwel mumenti wara l-inċident huma sagrostanti.

Ryan Callus qal li l-OHSA qed twettaq ħidma kbira fil-kuntest taż-żieda fl-industrija tal-kostruzzjoni fil-pajjiż u sostna li l-OHSA ma tistax tkun imċaħħda milli jkollha aċċess biex tkun tista’ taqdi l-operat tagħha.

Dan l-abbozz mhux qed jirrispetta d-drittijiet tal-partijiet kollha, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li kien hemm żieda allarmanti fit-traġedji li qed isiru fuq il-postijiet tax-xogħol, fosthom dak taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia f’Kordin. Mhux aċċettabbli li l-inkjesti jdumu s-snin, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li sal-ġimgħa li għaddiet ġudikant stess ammetta li l-qrati għandhom bżonn iktar riżorsi.

Id-dewmnien fl-inkjesti qed iġib iktar tbatija fosthom lill-familjari tal-vittma, sostna d-deputat Nazzjonalista li appella biex il-familjari tal-vittmi ma jitħallewx fil-għama. Il-pajjiż ma jistax jippolitiċizza dawn it-traġedji, sostna d-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li appella għall-kunses bejn iż-żewġ naħat.