Lokali Qorti

Appell minn Repubblika fuq ir-rifjut tal-Maġistrat Lia li tirrekuża ruħha mill-każ ta’ Pilatus Bank

L-għaqda Repubblika ppreżentat Appell fil-Qorti Kostituzzjonali fuq iċ-ċaħda tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex il-Maġistrat Nadine Lia rrifjutat li tirrekuża ruħha mill-proċeduri ta’ sfida li hija fetħet l-NGO kontra l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Ir-rikors li ġie preżentat kontra l-Avukat tal-Istat jikkwota diversi sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) wara li l-Imħallef Audrey Demicoli kienet iddikjarat li skond proċedura fil-liġi li tgħid li s-soċjetà ċivili ma kellhiex id-dritt għal smigħ ġust.

Repubblika qed tilmenta minn ksur tad-dritt fondamentali tagħha għal smiegħ xieraq quddiem Qorti imparzjali mill-Qorti tal-Magistrati quddiem il-Magistrat Nadine Lia fil-kawza ta’ challenge ta’ REPUBBLIKA vs l-Kummissarju tal-Pulizija ppreżentata fis-27 ta’ Ġunju 2022

Repubblika qed tgħid li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kwistjoni u f’ebda wieħed mill-argumenti li kienet ġabet f’nota ta’ 118-il paġna, il-Qorti sempliċiment qalet li Repubblika m’għandhiex id-dritt tippretendi li jkollha smiegħ xieraq għaliex m’għandhiex ‘victim status;,”, xi ħaġa li tmur kontra dritt ħieles tal-NGO.

L-Appell jgħid li l-iktar ħaġa essenzjali għall-QEDB hija li ma tħalliex lill-Istat jgħaddiha lixxa. Il-QEDB hija ġeluża ħafna, kif għandha tkun kull Qorti, li tara li tirbah l-accountability flok l-impunita.

Il-QEDB uriet kif għandha ġġib ruħha Qorti li trid timxi mal-ispirtu tal-Liġi, iktar milli mal-kelma. Bejn li tħalli l-Istat jagħmel bsaten fir-roti lilha li jrid jeżerċità dritt li għandu taħt il-liġi domestika u bejn li tagħti l-ħajja lill-artiklu 34 tal-Konvenzjoni sabiex l-NGO tkun tista’ titlob ġustizzja mill-Qrati, il-QEDB għażlet li tkun favur min qed jilmenta li sofra ksur tad-drittijiet tiegħu.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet qalet li peress li Repubblika ġiet stabbilita fl-interess tal-pubbliku, il-proċeduri ta’ sfida ma nfetħux f’interess personali jew privat u b’hekk il-każ ma kienx se jkollu impatt fuq id-drittijiet personali tal-membri ta’ Repubblika.

L-NGO qalet li l-Maġistrat Lia rrifjutat li tirrekuża ruħha mill-każ ta’ sfida li fetħet l-NGO kontra Gafà dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija biex tħarrek l-eks uffiċjali tal-Bank Pilatus li ssemmew fl-Inkjesta Maġisterjali.

Repubblika kienet talbet għat-tneħħija tal-Maġistrat Lia minħabba li tiġi l-mara tat-tifel tal-avukat Pawlu Lia li huwa l-avukat personali tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. F’Novembru tas-sena l-oħra, l-NGO kienet irrispondiet għall-appell tal-Avukat tal-Istat wara li l-Imħallef Ian Spiteri Bailey ordna li l-proċeduri jinstemgħu minn Maġistrat ieħor li ma kienx Lia.

Repubblika qalet li hi ġentilment titlob lill-Qorti Kostituzzjonali biex tappunta dan ir-rikors għas-smigħ mill-iktar fis minħabba li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jintilfu provi u traċċi ta’ reati mertu taċ-challenge u iktar delitti mertu taċ-challenge qed isiru preskritti. L-Appell ġie ffirmat mill-Avukat Jason Azzopardi.