Lokali Qorti

Arnold Cassola jixhed fil-libell li għamillu l-President tal-MDA

Il-kandidat politiku indipendenti l-Professur Arnold Cassola xehed fil-libell li kien ressaq kontrih il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) Michael Stivala fejn allega li n-negozjant wettaq diversi proġetti rregolari bil-barka tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Stivala li qed jiċħad dan kollu fejn qed jgħid li ħassu malafamat fuq kummenti li Cassola tella’ fuq Facebook li kienu jinvolvu lilu u lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Minn naħa tiegħu l-avukat Vince Galea, li qed jirrappreżenta lill-Michael Stivala, qal li l-allegazzjonijiet li qed għamel Cassola qed joħolqu inkonvenjenzi kbar għall-kumpaniji ta’ Stivala.

Cassola xehed fis-seduta u ġie mistoqsi mill-Avukat ta’ Stivala dwar id-diskors li qal f’dawn il-kitbiet u għal-liema illegalitajiet kien qed jirreferi għalihom. Cassola qal li se jippreżenta affidavit bl-informazzjoni li għandu imma semma’ lista ta’ applikazzjonijiet li skontu qatt ma sar xejn dwarhom minkejja li kienu qed jiksru bosta policies.

Il-posts kienu ttellgħu fil-bidu ta’ Novembru li għadda fejn Cassola sostna li “Stivala ngħata l-barka għal diversi illegalitajiet” taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat u li issa, wara li spiċċa minn Prim Ministru, Muscat huwa “il-konsulent ta’ Stivala”.

Post ieħor, kellu t–titlu “Robert Abela: gideb dwar Joseph Muscat,” il-post kien jgħid li “Joseph Muscat kiseb ‘l-hekk imsejħa konsulenzi’ tiegħu mingħand Accutor u Stivala fl-2020, ftit wara r-riżenja tiegħu”. Cassola qal quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li f’applikazzjoni waħda fl-2014 applika biex jiżviluppa l-intern ta’ dar f’San Ġiljan li kienet skedata fit-Tieni Grad u f’żona salvagwardjata fejn fil-fatt l-uffiċjal tal-każ tal-Awtorità ta’ l-Ippjanar kien irrakkomanda li din l-applikazzjoni tiġi rifjutata.

Tenna li dan sar  b’ċertu tidwir tal-policies tal-ippjanar u allega li Stivala rnexxielu jikseb l-approvazzjoni tagħha. “Illum tista’ tara t-trab ta’ dan il-bini jispiċċa fil-baħar li jiġi qisu krema,” tenna Cassola. Il-Professur Cassola semma l-bini għoli li tela’ Ta’ Xbiex bejn Triq Testaferrata u Triq Caruana Galizia fejn qal li dan irnexxiely jibnihom permezz ta’ tidwir fil-policies.

Qal ukoll li fl-2014 ġiet żviluppata dar ta’ ċertu valur li tmur lura għas-seklu 19, li tmiss mar-restaurant Barracuda f’żona salvagwardjata tal-kosta ta’ Malta, u dan minkejja li kien hemm ir-rifjut ta’ soprintendenza tal-wirt kulturali, imma l-permess xorta ħareġ.

Hu semma’ wkoll applikazzjonijiet oħra f’Ta’ Xbiex u l-Gżira li dwarhom Cassola sostna li Stivala aġixxa mingħajr ma kellu permess jagħmel dan. Cassola għamel referenza wkoll għar-ristorant Gourmet fil-Gżira li magħha qed tinbena lukanda u Cassola spjega li dan inxtara minn Stivala wara ċertu snin minkejja li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ħarġet notifiki ta’ infurzar dwarhom.

Tenna li Stivala għamel dan kollu b’ċertu ingann u li kien ġie mogħti aċċess limitat għall-kosta mill-Parlament stess u li minkejja li ma kienx permess li jinqasam, dan kien qed jinqasam bejn erba’ lukandi fiż-żona. Hu allega li fuq il-post hemm bosta kontravenzjonijiet “li qatt ma sar xejn dwarhom minkejja li mhumiex inklużi fl-applikazzjoni.”

Il-kawża ġiet differita għall-15 ta’ Marzu fl-10.30am. bit-tkomplija tax-xhieda ta’ Cassola fejn anke Stivala mistenni jixhed dwar il-każ, kif għandu jixhed ukoll l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li t-Tlieta kien barra l-awla numru 10 tal-Qorti fejn kien qed jinstema’ l-każ. L-avukat Eve Borg Costanzi rrappreżentat lil Cassola filwaqt li l-avukat Vincent Galea deher għal Stivala.