Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara li ta n-nar garaxx u qered żewġ karozzi

Rumen ta’ 24 sena ġie kundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Novembru li qabbad volontarjament nirien f’garaxx taħt l-art taħt kumpless ta’ appartamenti f’Tas-Sliema, u qered mill-inqas żewġ vetturi. Il-każ kien seħħ fi Triq Ġuże Howard, f’Tas-Sliema.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech poġġiet lil Ion Busuioc taħt Ordni ta’ Trattament għal żmien tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna psikoloġika u/jew psikjatrika meħtieġa. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja ta’ din is-sentenza tintbagħat lid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole.

Inħarġet ukoll Ordni tat-Trażżin fil-konfront tal-imputat a favur tal-vittmi u l-familjari tagħhom għal żmien
tlett snin mill-għoti tas-sentenza. Fl-għoti tas-sentenza l-Qorti qalet li filwaqt li kkunsidrat l-ammissjoni tiegħu li kienet pjuttost waħda bikrija, ma tistax tiskarta jew tinjora l-fatt kif każijiet ta’ arson qed isiru aktar u aktar frekwenti.

“L-għemil tal-imputat kien wieħed li nissel terrur f’bosta. Għemil mwettaq minn persuna li sakemm tiġi riabilitata
tassew ma jkunx jixraq li titħalla tiċċirkola fis-soċjetà,” qalet il-Maġistrat Frendo Dimech. Il-Qorti qalet ukoll li qed tirrakkomanda lill-Uffiċjal Prinċipali għall-Immigrazzjoni sabiex jikkunsidra jeżerċita l-poteri tiegħu fir-rigward tal-imputat kemm il-darba ikun skonta s-sentenza fuqu imposta, u għaldaqstant jintbagħat lura lejn pajjiżu.

Kien “Torch” misruq u ‘tattoos’ distintivi fuq l-idejn tar-Rumen li għenu lill-Pulizija tikkonferma l-identità ta’ persuna suspettata ta’ ħruq, kienet semgħet il-Qorti. waqt il-ġbir tal-provi kontra Busuioc Ir-residenti fil-blokk ta’ appartamenti li hemm fuq il-kumpless ta’ garaxxijiet kellhom jiġu evakwati u ġew iċċekkjati għad-duħħan li setgħu belgħu bi ħsara għan-nifs minn staff mediku. Il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mbagħad spezzjonaw il-bini qabel iddikjarawh sigur u ħallew lill-okkupanti jirritornaw.

L-Ispettur Mario Xiberras li mexxa l-Prosekuzzjoni f’isem id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, kien qal lill-Qorti kif uffiċjali kienu ssejħu għal rapport ta’ nirien fil-kumpless ta’ garaxxijiet ta’ erba’ sulari. Filmati tas-CCTV rkuprati bħala parti mill-investigazzjoni, urew li ma kienx sempliċi nar iżda attakk qawwi ta’ ħruq,

“Il-filmati wrew persuna dieħel fil-kumpless fil-livell tal-art, tidħol f’diversi garaxxijiet u tidħol fil-karozzi. Waħda mill-oġġetti misruqa minn waħda minn dawk il-karozzi aktar tard instabet fir-residenza tar-Rumen. Ġiet irkuprata wkoll marka tal-idejn minn tieqa tal-karozza miksura.

Il-filmati wrew lill-istess raġel ħiereġ minn garaxx ieħor, segwit minn immaġini ta’ nar qawwi. Il-karozza BMW u l-mutur KTM ġewwa dak il-garaxx inqerdu fin-nirien. Aktar tard l-uffiċjali kienu lemħu persuna li taqbel mad-deskrizzjoni ta’ Busioc, sat-tatoo fuq idu, u ngħatat l-ordni biex isir arrest.

Il-Pulizija kienet għamlet tfittxija fil-kamra ta’ Busioc fil-lukanda ta’ tliet stilel Tas-Sliema fejn kien joqgħod. Fil-kamra tal-lukanda tiegħu nstabu ‘tracksuit’ simili għal dak li ntlibes minn dak li qabbad il-kumpless, par ‘sneakers (żarbun sportiv) simili wkoll għal dawk tal-persuna suspettata u t-torch misruq.

Waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija, Busuioc kien għaraf lilu nnifsu fil-filmati, u qal lill-interrogaturi tiegħu li ma kienx jaf għaliex għamel dak li għamel u li l-filmati wrew lil Busuioc bħala l-unika persuna ġewwa l-kumpless tal-garaxx fis-siegħa ta’ qabel beda n-nar.

Minn xhieda fil-Qorti minn naħa tal-Prosekuzzjoni rriżulta li r-raġel ma deher li kien qed iġorr xejn meta kien daħal fil-kumpless tal-garaxx. Espert mediku maħtur mill-Qorti kien stabbilixxa li r-raġel ma kienx fi stat ta’ ġenn fil-ħin tar-reat u li kienu bdew xi sintomi psikjatriċi wara li Busuioc ittieħed taħt arrest. L-Avukat Leontine Calleja dehret għar-Rumen.