Lokali Parlament

Fil-PAC: Karl Cini ma jwieġeb l-ebda domanda

Il-PN talab lill-Ispeaker sabiex jingħata ruling u direzzjoni fuq każijiet fejn xhud jaħrab mid-domandi tal-PAC

“Neżerċita d-dritt tas-silenzju”.

Dan hu l-kliem li lissen Karl Cini magħruf għall-irwol tiegħu fil-kumpanija Nexia BT hekk kif illum deher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, hekk kif l-anqas wieġeb dwar jekk jismux Karl Cini u l-anqas jekk kienx Direttur ta’ Nexia BT.

Qabel ma bdew il-mistoqsijiet, l-Avukat ta’ Cini, Stephen Tonna Lowell qal li l-klijent tiegħu ma kellux x’jaqsam tal-Electrogas u kien se jeżerċita d-dritt għas-silenzju.

Cini, flimkien ma’ Brian Tonna, qed jaffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus u l-falsifikazzjoni ta’ dokumenti fost akkużi oħra marbuta mal-inkjesti ta’ allegat korruzzjoni minn Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Tonna u Cini kienu waqqfu kumpaniji fil-Panama għal Konrad Mizzi u Keith Schembri, u kumpanija oħra bl-isem ta’ Egrant.

Karl Cini flimkien mal-avukat tiegħu Stephen Tonna Lowell

Mistoqsi miċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, Darren Carabott, jekk jistax jeskludi illi fondi pubbliċi spiċċaw fil-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, mill-ġdid Cini tenna li se jkun qed jeżerċita d-dritt tas-silenzju.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista David Agius saqsa jekk Karl Cini jistax jgħaddi kull dokument li għandha Nexia BT dwar l-electrogas u li ħadem fuqhom Cini, bix-xhud ikompli bir-rettorika li ma jweġibx u li se jżomm is-silenzju.

F’domanda li saqsa d-Deputat Graham Bencini dwar jekk kienx interrogat biss mill-Pulizija fir-rigward tal-kuntratt tal-Electrogas, Cini mill-ġdid ma weġibx

Mistoqsi dwar jekk qattx tkellem ma’ Brian Tonna dwar l-iskandlu tal-electrorgas, u dwar kif sar jaf lill-eks MInistru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, Cini wkoll għażel li ma jweġibx.

It-Tlieta li ġej se jkun qed jintalab biex jitla’ jixhed l-avukat Aron Mifsud Bonnici

Il-PN jitlob ruling dwar dak li ġara

Intant il-PN talab lill-Ispeaker sabiex jingħata ruling u direzzjoni fuq każijiet fejn xhud jaħrab mid-domandi tal-PAC. Fil-plenarja ċ-Chairperson tal-PAC Darren Carabott talab ruling dwar każijiet bħal dawn, fejn xhud jagħżel li ma jweġibx, bl-ispeaker jgħid li se jkun qed janalizza dak li ntqal tul il-laqgħa u jieħu posizzjoni fil-jiem li ġejjin.