Internazzjonali

Franza: Mewġa kbira oħra ta’protesti dwar l-età għall-irtirar

Numru enormi ta’ ħaddiema qed jieħdu sehem f’azzjoni industrijali oħra fuq livell nazzjonali u li fil-fatt hi t-tieni mewġa ta’ protesti kontra l-pjani tal-President Franċiż Emmanuel Macron biex iżid l-età għall-irtirar mix-xogħol minn 62 għal 64 sena.

Talanqas tmien unions ewlenin qed jipparteċipaw fis-strajk li ħalla impatt sinifikanti għall-funzjonijiet tal-iskejjel, it-trasport pubbliku u r-raffineriji taż-żejt.

Qabel il-protesta kbira f’Pariġi, ħarġu l-eluf tad-dimostranti fl-ibliet ta’ Toulouse, Marseille, Nice, Saint Nazaire, Nantes, Rennes u oħrajn.

Is-sorsi viċin l-organizzaturi tal-istrajks qed jistennew il-protesti tal-massa f’talanqas 200 belt Franċiża u waqt li l-Gvern bagħat mal-11,000 pulizija biex iżommu s-sigurtà waqt id-dimostrazzjonijiet.

Intant, il-kelliema għall-unions qalu li talanqas nofs l-għalliema tal-pajjiż issieħbu fl-azzjoni industrijali anki jekk il-Ministeru Franċiż għall-Edukazzjoni kkuntesta din iċ-ċifra.

Il-protesti, fil-verità, qed jispikkaw fi kważi kull belt ta’ Franza wara li kienu ħarġu ‘il fuq minn miljun dimostrant fl-ewwel jum tal-azzjoni industrijali.

Il-Gvern ta’ Macron qed jippersisti bir-riformi fis-settur tal-pensjonijiet minkejja stħarriġ pubbliku li jindika li maż-żewġ-terzi tal-votanti Franċiżi huma kontra l-bidliet li qed tixpruna l-Amministrazzjoni.

Il-bidliet għandhom jitressqu quddiem l-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi, il-ġimgħa d-dieħla u peress li l-Gvern ta’ Macron mgħandux il-maġġoranza fil-Parlament se jkollu jiddependi anki fuq ir-Repubblikani tal-lemin biex ir-riformi inkwistjoni jgħaddu mill-Assemblea.