Lokali

Il-Gvern fid-dover li jikkonsulta mar-rappreżentanti tas-sajjieda qabel jiddeċiedi – PN

Il-konsultazzjoni qatt ma kienet il-forte ta’ dan il-gvern u għal darb’oħra qed naraw episodju ieħor fejn il-gvern ta’ Robert Abela mhux lest jiddiskuti ma’ min jirrappreżenta lis-sajjieda qabel jiddeċiedi.

Fi stqarrija l-PN permezz tad-Deputat Toni Bezzina l-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd qal li sfortunatament, l-appelli kontinwi tal-Koperattiva tas-Sajd biex dawn ikunu kkonsultati mill-gvern qabel ma tittieħed deċiżjoni kif ser titqassam il-kwota tat-tonn ta’ 44 tunnellata għas-sena 2023 waqgħu fuq widnejn torox.

Minkejja li ilhom aktar minn xahar jippruvaw jikkorrispondu mal-gvern biex ikunu parti mid-diskussjoni, dawn ġew injorati għal kollox mill-Gvern.

Filwaqt li dan juri nuqqas ta’ rispett għal dawk li jaqilgħu l-għajxien taghhom u ta’ familthom minn dan il-qasam, dan l-atteġġjament hu xhieda oħra tar-ras iebsa tal-Gvern, li mhux lest jiddiskuti b’serjetà mal-ħaddiema u ma’ dawk li jirrappreżentawhom.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jagħti l-kontribut tiegħu kull fejn ikun meħtieġ.