Lokali

Il-Gvern Malti jkompli nieżel fl-Indiċi tal-Korruzzjoni

Kollox jindika li l-korruzzjoni kompla jiżdied hekk kif il-Gvern Malti kompla nieżel fl-Indiċi tal-Korruzzjoni. Rapport li ġie ppublikat il-ġimgħa li għaddiet jindika li pajjiżna għandu indiċi ta’ 51. Dan wara li s-sena l-oħra l-indiċi kien ta’ 53.

Il-pajjiżi jingħataw dan in-numru fuq skala ta bejn 0 u 100 fejn 0 jindika li hemm ħafna korruzzjoni f’dak il-pajjiż filwaqt li 100 jindika li ftit li xejn hemm korruzzjoni. Il-medja tal-indiċi fl-Unjoni Ewropea huwa 66. U allura, dan jindika li l-Gvern Malti jinsab taħt din il-medja hekk kif fl-aħħar sena żdiedet il-korruzzjoni.

Transparency International qalet illi l-korruzzjoni f’Malta żdiedet hekk kif r-rakkomandazzjonijiet fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma ġewx implimentati fil-liġi – fi kliem sempliċi, dan igiddeb l-impressjoni li ilu jipprova jagħti Robert Abela.

Barra minn hekk, hemm tħassib dwar il-liberta’ tal-midja kif ukoll l-ġlieda kontra l-kriminalita’ organizzata. Ir-rapport jgħid li l-istat ta’ impunita’ f’Malta qed ikompli jippersisti minħabba li għad m’hemmx kundanni f’każijiet li jitrattaw livell għoli ta’ korruzzjoni.

Fl-ewwel post ta’ dan l-indiċi hemm id-Danimarka li preżentament għandu indiċi ta’ 90. Wara hemm il-Finlandja b’87 u n-Norveġja b’84.

Il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea li ngħataw indiċi aktar baxx minn ta’ Malta huma biss erbgħa – l-Ungerija, il-Kroazja, ir-Rumanija u l-Bulgarija.