Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna:  Tkompli l-kwistjoni dwar it-trasferiment tal-ajruplani tal-gwerra lill-Gvern ta’ Zelensky

Il-kwistjoni dwar jekk l-Ukrajna għandhiex tingħata l-ajruplani tal-gwerra mingħand il-Punent qed tkompli, bl-Istati Uniti twarrab għall-possibbiltà li tibgħat il-fighter-jets tat-tip F-16 lill-Ukreni. Dan ukoll meta l-Olanda qed tisħaq li lesta biex tikkunsidra t-talba tal-Gvern ta’ Volodymyr Zelensky biex jirċievi l-fighter-jets inkwistjoni ta’ manifattura Amerikana.

Il-President Amerikan Joe Biden fl-aħħar sigħat qal li pajjiżu mhux se jkun qed jagħti dawn l-ajruplani lill-Ukrajna wara li impenja ruħu biex jibgħat kunsinna ta’ tankijiet tal-gwerra lill-Ukreni biex huma jiddefendu ruħhom aħjar kontra l-attakki tar-Russi, Dan ukoll wara li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, warrab għall-possibbiltà li pajjiżu  jibgħat l-ajruplani tal-gwerra lill-Ukrajna.

Il-Gvern Ukren ilu jesiġi biex l-Alleati tal-Punent jibgħatulu l-ajruplani tal-gwerra avvanzati bil-għan li l-qawwiet ta’ Zelensky jieħdu kontroll tal-ispazju tal-ajru waqt il-gwerra mar-Russja. Madankollu, l-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent qed jinkwetaw li jekk jibgħatu dawn l-ajruplani lill-Ukreni jkunu qegħdin jiftħu ‘beraħ’ għal eskalazzjoni tal-konflitt mar-Russja.

Mhemmx dubju li l-F16s huma superjuri fuq l-ajruplani MiGs li qed tuża l-Ukrajna bħalissa u li jmorru lura għaż-żmenijiet tal-eks Unjoni Sovjetika. Iżda jidher li l-Istati Uniti se tkompli tiċħad it-talbiet ta’ Kiev għal dawn l-ajruplani, waqt li, fl-istess ħin, tipprovdi appoġġ militari lill-Ukreni ‘minn aspetti oħra’.

Madankollu mhux eskluż li l-Olanda tasal biex tittrasferixxi wħud mill-F-16s tagħha lill-Ukreni anki jekk l-Ukrajna, għalissa, ma għamlitx talba formali lill-Gvern Olandiż.

Dan meta l-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte, stqarr, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’The Hague li għaliha kien preżenti l-President Franċiż Emmanuel Macron, li mgħandu jkun hemm l-ebda limiti għas-sistemi tal-appoġġ lill-Ukrajna biex din tegħleb l-offensiva tal-qawwiet Russi f’pajjiżha.

L-F-16 Fighting Falcon hu fighter jet li jaqdi diversi rwoli – minn aspett ta’ offensiva u anki ta’ sorveljanza – minbarra li hu fost l-aktar ajruplani tal-gwerra famużi fid-dinja.

Għalissa, l-Ukrajna qed tistenna biex tirċievi żewġ missile launchers tat-tip Patriot mingħand l-Olanda, b’talaħħar tikkonferma ruħha bħala t-tielet pajjiż, wara l-Istati Uniti u l-Ġermanja, li qed tipprovdi lill-Ukreni bis-sistemi għad-difiża avvanzati għal kontra l-attakki mill-ajru.