Lokali

Il-Ministru Jonathan Attard jiddefendi lir-Robert Abela wara l-kuntatti li kellu ma’ Maġistrat

Wara li l-Prim Ministru Robert Abela bla mistħija ta’ xejn ammetta li tkellem ma’ Maġistrat il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard iddefenda din il-mossa tal-Prim Ministru b’mod assolut.

Meta t-Tlieta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar din l-azzjoni li ġiet ikkundannata minn bosta, Jonathan Attard ħareġ għonqu għal Robert Abela.

Fi stqarrija li ħarġet it-Tnejn, il-Kamra tal-Avukati kkundannat l-azzjoni ta’ Robert Abela filwaqt li sostniet li din il-mossa tmur kontra il-kodiċi tal-etika.

U meta Jonathan Attard kien mistoqsi dwar din il-kritika minn naħa tal-Kamra tal-Avukati huwa deher skomdu immens. Tant ħassu skomdu li weħel sabiex iwieġeb din il-mistoqsija.

Minnbarra li l-Ministru Jonathan Attard iddefenda lill-Prim Ministru Robert Abela b’mod sħiħ, huwa spiċċa jgħid lill-ġurnalisti illi l-azzjoni ta’ Abela kienet waħda ferm pożittiva.

Il-Ministru tal-Ġustizzja fl-ebda ħin ma qal jekk tkellimx ma xi Maġistrati – bħalma għamel il-Prim Ministru. L-istess attitudni li ħa Owen Bonnici fil-ġurnata ta’ qabel meta la ċaħad u lanqas ikkonferma x’tip ta’ kuntatt dirett kien hemm mal-ġudikatura.