Lokali

Peter Agius konfermat kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-PN jibda l-proċess li japprova l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Ilbieraħ filgħaxija l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista beda l-proċess li fih japprova l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir is-sena d-dieħla.

Dan hekk kif approva l-kandidatura ta’ Peter Agius, li b’hekk jingħaqad mal-MEPs Roberta Metsola u David Casa, li huma awtomatikament kandidati għal din l-elezzjoni skont l-Istatut tal-Partit.

Peter jaħdem mal-Parlament Ewropew, fejn ħadem ukoll bħala Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u bħala membru fil-kabinett tal-President Antonio Tajani.

Agius ħadem ukoll bħala avukat u negozjatur tal-liġijiet Ewropej fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, fejn kien inkarigat fost l-oħrajn min-negozjati fl-oqsma tal-farmaċewtika, is-suq intern, l-online gaming u l-protezzjoni tal-konsumatur.

Peter Agius gradwa bħala Avukat mill-Università ta’ Malta u kompla bl-istudji tiegħu fil-liġi Ewropea b’Masters mill-Université Libre de Bruxelles. Għal diversi snin, kien ukoll lecturer fuq il-politika u l-liġi Ewropea f’diversi istituzzjonijiet, fejn fost l-oħrajn kien inkarigat mill-preparazzjoni taċ-ċivil Malti għall-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ministri.

Agius kien kandidat għall-Elezzjoni Ewropea fl-2019. Wara dik l-elezzjoni, hu baqa’ attiv fil-Partit Nazzjonalista, fejn kien ukoll Kelliem tal-Partit fl-elezzjoni ġenerali.

Peter hu miżżewweġ lil Mariella u għandhom tliet subien.