Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Depiro bit-tieni rebħa fuq Starlites fi spazju ta’ ġimgħa

Colin Schembri

Starlites FIJO……71

Depiro……………..89

(12-19)(26-27)(20-20)(13-23)

Depiro kisbu t-tieni rebħa fuq ic-champions Starlites FIJO fi spazju ta’ ġimgħa biex laħquhom b’sitt rebħiet u ħames telfiet għalkemm għad hemm il-punti ta’ penalizzazjoni jifirduhom mill-ewwel postijiet tal-klassifika. Iż-żewġ timijiet kienu bl-istess formazzjoni ta’ ġimgħa ilhu bi Starlites jibqgħu b’Amerikan wieħed hekk kif it-tieni Amerikan tagħhom mistenni jasal f’pajjiżna f’dawn il-ġranet. Partita li rat lil Starlites jiftħu bil-punti ta’ Alec Felice Pace u għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xuxlin. Hawn Depiro kellhom mument tajjeb bi break ta’ 13-3 bi trippli ta’ Andrew Aquilina u Miguel Brincat biex temmew l-ewwel sessjoni 19-12 minn fuq. Fit-tieni taqsima Starlites kellhom tlett trippli minn Matthew Attard u Matthew Scerri flimkien mal-punti ta’ Darius George u reġgħu marru minn fuq 25-24. Depiro rkupraw u trippla ta’ Kieron Caruana fetħitilhom run oħra ta’ 17-6 fejn kien hemm ukoll 8 punti konsekuttivi ta’ Cameron Cornelius. Scerri kellu trippla oħra għal Starlites però kienu Depiro li daħlu jistrieħu fuq quddiem 46-38.

Fit-tielet sessjoni Depiro kabbru l-vantaġġ għal 12 -il punt wara trippla oħra ta’ Brincat. Starlites kellhom fażi tajba b’run ta’ 15-5 b’George jirsisti ħafna b’fast breaks u l-punti tiegħhu wasslu lil Starlites sa’ basket ‘l bogħod 56-58. Wara time-out ta’ Ruben Baldacchino, Depiro rkupraw xi ftit u kellhom break ta’ 8-2 biex temmew it-taqsima 66-58 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni ż-żewġ timijhiet reġgħu bdew jirrispondu lil xulxin biex Depiro setgħu iżommu l-vantaġġ li kellhom. Lejn it-tmiem huma kellhom ukoll run qasira ta’ 9-4 fosthom trippla minn Julian Micallef biex serrħu rashom mir-riżultat u ħarġu rebbieħa 89-71 u baqgħu jittamaw għal post fil-play-offs.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 11, M. Attard 6, M. Barbara, M. Fabri 4, L. Riolo 2, M. Scerri 16, R. Carabott, L. Farrugia 5, N. Sultana, D. George 27.

Depiro: S. Galea 2, J. Micallef 3, A. Aquilina 6, N. Grech 4, S. Kenely, K. Rooks 25, M. Brincat 16, M. Mallia 1, C. Cornelius 27, M. Debattista, K. Caruana 5.

Referees: Bernard Vassallo, Florentina Ciurariu, Bogdan Mrkojevic

Hibernians………………………..92       

Mellieħa Libertas…………….100

(20-26)(19-17)(21-22)(32-35)

Hibs ma rnexxielhomx jagħmlu dak li għamlu ġimgħa ilhu hekk kif din id-darba kienu Mellieħa li ħadu r-rebħa biex wara t-telfa ta’ Starlites ġurnata qabel, huma saħħew posthom f’ras il-klassifika bi tmien rebħiet. Hibs issa baqgħu b’erba’ rebħiet u post fil-play-offs fil-mument jidher ferm diffiċli. Mellieħa rkupraw lil Vukassin Jandric għalkemm għadu nieqes Samuel Zammit. Kienu Mellieħa li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 7-2 wara punti minn Isaac Bonett, Jandric u Connor Zinaich. Hibs wieġbi bit-trippli minn Anton Axiaq u Matthew Attard qabel ma Mellieħa għamlu run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Jandric. Attard reġa’ wieġeb għal Hibs li baqgħu viċin tal-avversarji li però għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Zinaich għal skor ta’ 26-20. Fit-tieni perjodu kien hemm it-trippli ta’ Mellieħa minn Nikola Jovanovic u Jandric u għalkemm Hibs kellhom il-punti minn Ivan Demcesen u Justin Bogle, Mellieħa baqgħu fuq quddiem. Punti minn Demcesen wasslu lil Hibs sa’ punt ‘l bogħod mill-avversarji però tlett punti minn Zinaich qabel intemmet it-taqsima raw lil Mellieħa jidħlu jistrieħu 43-39 minn fuq.

Wara l-intervall, Mellieħa fetħu l-aħjar bi break ta’ 10-2 b’żewġ trippli oħra ta’ Jandric biex sabu ruħhom 12 minn fuq 53-41. Hibs wettqu reazzjoni speċjalment permezz ta’ Demcesen u Neil Cassar fi break ta’ 8-0. Mellieħa kellhom trippla minn David Bugeja biex waqqfulhom ir-run u sa’ tmiem it-taqsima Mellieħa rnexxielhom iżommu l-vantaġġ ta’ 5 punti 65-60. Hibs komplew jitħabtu fl-aħħar sessjoni u bdew bil-punti minn Attard u Demcesen biex naqqsu d-distakk għal basket 68-70. Mellieħa rkupraw bit-trippli ta’ Jandric u Bugeja hekk kif għamlu run ta’ 14-3 u fetħu vantaġġ ta’ 14 -il punt 89-75. L-aħħar sforz ta’ Hibs issarraf f’erba’ trippli minn Justin Bogle, Demcesen, Attard u Luke Farrugia. Mellieħa għalqu l-partita b’seba’ punti oħra b’Zinaich jagħmel il-mitt punt għal skor finali ta’ 100-92.

Hibernians: N. Cassar 9, P. Attard 2, L. Attard, L. Farrugia 6, L. Borg, A. Axiaq 17, R. Aquilina, M. Attard 13, J. Bogle 11, M. Bezzina, I. Demcesen 34, G. Cassar.

Mellieħa Libertas: M. Falzon, D. Bugeja 17, R. Bonnici, V. Jandric 28, I. Bonett 4, N. Bukva 2, N. Jovanovic 5, C. Zinaich 44, M. Formosa, O. Said.

Referees: Bernard Vassallo, Florentina Ciurariu, Bogdan Mrkojevic

Bupa Luxol………………….98

Gżira Athleta……………….79

(24-21)(28-21)(30-20)(16-17)

Bupa Luxol rebħu l-konfront dirett kontra Gżira Athleta biex mhux biss ħadu t-tieni rebħa f’ġimgħa kontra l-istess avversarji però qabżuhom fil-klassifika b’ħames rebħiet kontra l-erbgħa tal-Athleta. Kienu Luxol li kellhom l-aħjar bidu tal-partita fejn l-Amerikani Trevian Bell u Tayler Mattos kisbu l-ewwel punti. Bell flimkien ma’ Nikola Vasovic kellhom trippla kull wieħed għal skor ta’ 19-7. Wara time-out minn Joe Galea, Athleta rnexxielhom jirrispondu bi break ta’ 14-3 bi trippli minn Nathan Xuereb u Peter Shoults għal skor ta’ 24-21. Fit-tieni taqsima, kien hemm żewġ trippli fuq kull naħa minn Jean Paul Schembri u Vasovic għal Luxol u Roland Griffen għall-Athleta biex Luxol żammew vantaġġ ta’ 4 punti 34-30. Luxol komplew bi tmien punti mingħajr risposta u ħadu vantaġġ b’figuri doppji li żammew sal-intervall 52-42.

Fit-tielet perjodu, Athleta tilfu lil Henry Van Herk b’injury u mal-ħin Luxol bdew iżidu l-vantaġġ tagħhom. Fil-fatt, il-players ta’ Duncan Fenech kellhom run ta’ 15-4 b’diversi punti ta’ Mattos flimkien ma’ trippla ta’ Bell biex fetħu vantaġġ ta’ 21 punt 67-46. Athleta ppruvaw jirkupraw permezz ta’ Griffen u Francesco Mifsud Bonnici però Luxol temmew is-sessjoni 20 minn fuq 82-62. Fl-aħħar taqsima, Athleta dehru demoralizzati u ftit li xejn taw l-impressjoni li jistgħu jirkupraw tant li l-vantaġġ ta’ Luxol baqa’ konsistenti. Huma rnexxielhom jagħlqu l-partita bi break ta’ 9-1 li serva biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Luxol ħarġu rebbieħa 98-79.

Bupa Luxol: J. Cefai, N. Vasovic 21, M. Sciberras, T. Bell 22, N. Engelbert, JP Schembri 14, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 32, M. Matijevic 5, S. Cappello 4.

Gżira Athleta: H. Van Herk 6, F. Mifsud Bonnici 6, N. Buhagiar 6, P. Shoults 9, L. Stefanovic 5, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 13, R. Griffin 34, I. Xuereb, R. Abela, I. Medved 4, B. Zammit.

Referees: Daniella Torok, Zvezdan Dobrosaviljevic, Ionut Ciurariu