Sport Sport Ieħor

L-aħħar preparamenti għal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa

Meta ninsabu erba’ xhur ‘il bogħod mill-edizzjoni ta’ Malta 2023 tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa, il-Kumitat Olimpiku Malti u l-Kumitat Organizattiv tal-Logħob taw l-aħħar dettalji b’rabta mal-logħob.

Filwaqt li Julian Pace Bonello bħala President tal-Kumitat Olimpiku Malti għamel riferenza dwar ir-rwol ta’ media biex dan il-Logħob ikun success fost il-pubbliku Malti, ma naqasx milli jħabbar li bħala bonus għal kull atleta Malti li jirbaħ midalja tad-deheb ser tingħata s-somma ta’ € 10,000

Mark Cutajar, bħala Chairman tal-Kumitat Organizattiv, ta rendikont ġenerali dwar l-isport fil-programm u fejn se jsir il-logħob, kif ukoll għar-rwol tal-voluntiera u l-investiment li sar fl-infrastruttura, preparazzjoni teknika u fuq kollox dwar il-loġistika.

Ingħata rendikont approssimattiv kemm atleti mistennija jieħdu sehem fejn Cipru u Malta mistennija jkollhom l-akbar numru b’289 u 250 atleta, Andorra 103, Iżlanda 153, Liechtenstein 39, Lussemburgu 200, Monaco 137 ,Montenegro 74 u San Marino 71

Fid-dell tal-logo uffiċjali u l-mascot Puka sar magħruf li minn għada jibda l-process ta’akkreditazzjoni fiwaqt li fl-20 u 21 ta’ Marzu se ssir Malta laqgħa għax-chef de mission u delegati teknici.

Charlene Attard bħala Direttur tal-isport tat rendikont dwar il-preparazzjoni li għaddejjin minnhom l-atleti Maltin f’kull dixxiplina fejn meta tingħalaq il-lista uffiċjali kull atleta jrid jikseb il-kwalifika għal xi wieħed miż-żewġ postijiet allokati f’kull kompetizzjoni f’kull dixxiplina.

Indirizza wkoll Clifton Grima bħala Ministru responsabbli mill-isport fejn għamel enfażi li dan il-Logħob li se jsir Malta wara l-edizzjonijiet fl-1993 u fl-2003 għandhom ikunu Logħob li jħallu legat lil isport Malti.