Lokali

Malta fl-ewwel semi finali tal-Eurovision Song Contest

Issa uffiċjali: Malta ser tkun qed tipparteċipa fl-ewwel semi finali tal-Eurovision Song Contest, li din is-sena se jsir fil-belt ta’ Liverpool.

Malta telgħet sabiex tkanta fl-ewwel nofs tal-ewwel semi finali, li ser isir it-Tlieta, 9 ta’ Mejju. Fost il-pajjiżi li Malta ser tkun qed tikkompeti maghhom hemm in-Norveġja, l-Iżveżja, Iżrael u l-Olanda.

Dan filwaqt li t-tieni semi finali ser jiġi organizzat il-Ħamis, 11 ta’ Mejju …u l-finali ssir s-Sibt, 13 ta’ Mejju.

Fost is-semi finalisti li se jieħdu sehem fit-tieni serata hemm Ċipru, l-Iżlanda, il-Greċja u l-Polonja.

Tul is-serata finali, il-ħames pajjiżi l-kbar li huma l-Italja, Franza, Germanja, Spanja u Renju Unit, flimkien mal-Ukrajna … il-pajjiż li rebaħ l-edizzjoni li għaddiet, ser ikunu qed jikkompetu mal-20 finalista li jgħaddu wara li jikkompetu fl-ewwel u fit-tieni Semi-finali.

It-Tnejn filgħaxija ġie stabbilit ukoll kif il-’Big 5’ u l-Ukrajna sejrin jivvottaw fis-semi finali. Filfatt l-Italja, Franza u l-Ġermanja ser ikunu jistgħu jivvutaw biss fl-ewwel semi-finali, filwaqt li r-Renju Unit, Spanja u l-Ukrajna ser ikunu jistgħu jivvutaw biss fit-tieni semi-finali.

It-Tnejn filgħaxija, ġie mniedi wkoll l-logo tal-Eurovision ta’ din is-sena – logo mżewwaq biż-żewġ kuluri tal-bandiera tal-Ukrajna … filwaqt li l-fond li intuża għal-logo huwa dak ta’ ‘Penny Lane’ – bil-ħsieb li jagħti ġieħ il-kanużunetta tal-Beatles, li kienet band minn Liverpool.

Malta għad trid tagħżel il-kanzunetta parteċipanti f’dan il-festival permezz tal-Malta Eurovision li ser jsir is-Sibt fil-11 ta’ Frar  – fl-istess jum Sanremo.