Lokali Qorti

Rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga jiffrankalu sitt xhur ħabs

Il-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba ta’ Dennis Cremona ta’ 47 sena li kellu l-vizzju tad-droga wara li fl-2019 instab ħati li fl-istess sena seraq b’€24 fi flus kontanti minn pompa tal-petrol fi Triq il-Wied tal-Imsida, f’Birkirkara. Huwa kellu s-sentenza tiegħu ta’ sitt xhur ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati mibdula għal waħda sospiża wara li nstab ħati fuq ammissjoni tiegħu stess.

Huwa kien instab ħati wkoll li dakinhar wettaq ħsara fil-pompa tal-petrol permezz ta’ għodda li ntużat biex iseħħ l-isgass. l-każ kien seħħ fis-7 ta’ Mejju tal-2019 għall-ħabta ta’ 11.55pm. Cremona kien għamel talba biex il-Qorti tassumi l-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga.

Mid-dokumenti ppreżentati mill-Bord, fil-fatt, irriżulta li l-imputat “għandu storja twila ta’ abbuż ta’ droga” u li minħabba dan il-vizzju wettaq diversi reati. Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima qalet li, “Cremona għaraf il-bżonn li jegħleb il-vizzju tad-droga u kkopera bis-sħiħ fil-programm ta’ rijabilitazzjoni.” 

Ħareġ li kien dejjem konsistenti fl-għoti tal-kampjuni tal-urina li kien obbligat li jipprovdi. Skont dak irrappurtat, dawn kienu kollha fin-negattiv għal kull sustanza. Intqal ukoll, li l-appellant segwa l-pjan ta’ kura imfassla għalih, qed jagħmel xogħol fis-soċjetà u anki qed ikollu terapija tal-familja biex isaħħaħ ir-relazzjoni ma’ bintu. 

Kien b’hekk, li l-Imħallef Grima biddlet is-sentenza ta’ ħabs minn waħda effettiva għal sospiża. Hija kkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana filwaqt li għal Cremona deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.