Lokali Qorti

Abner Aquilina qal lill-istaff taċ-Ċentru tas-Saħħa li kien f’saħħa perfetta – iżda t-tabib irreferih għall-assistenza psikjatrika

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena, akkużat li qatel studenta Pollakka ta’ 29 sena, fl-Ewwel tas-Sena, tal-2022, kien insista mal-istaff mediku li eżaminah li kien f’saħħa perfetta. Staff mediku miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana kienu qed jixhdu fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Abner Aquilina, akkużat li qatel lil Paulina Dembska fi Ġnien l-Indipendenza ta’ Tas-Sliema.

Il-Maġistrat Marseanne Farrugia semgħet lill-ħaddiema taċ-ċentru tas-saħħa jgħidu li l-imġieba ta’ Aquilina wasslithom jissuspettaw mod ieħor. L-ewwel xehed Dr Andrew Hall, li kien eżamina lil Aquilina wara l-arrest tiegħu. Huwa qal li l-akkużat kien ġie miġjub lilu mill-Pulizija fid-dawl tal-ħmerijiet li wettaq fi knisja.

“Jien eżaminajt l-istat mentali tiegħu u rreferijtu għal trattament psikjatriku,” qal it-tabib, u spjega li kien għamel ir-referenza wara li kkonferixxi ma ‘speċjalisti tal-psikjatrija fuq sejħa. “Matul l-eżamijiet tiegħi, innutajt li ma kienx qed jieħu ħsieb id-dehra tiegħu. Kien qed jirrepeti l-istess kliem għal darb’oħra. Ma żammx kuntatt mal-għajnejn u kien aġitat,” qal it-tabib waqt kontro-eżami mill-avukat Stefano Filletti, li qed jirrappreżenta lill-familja tal-vittma.

L-akkużat kien qallu li kien ra “mara liebsa l-abjad u kienet mar warajha ġo knisja.” Aquilina bid-daħka fuq fommu fil-Qorti hekk kif fuq il-pedana tax-xhieda kienu deskritti dak li kien għamel fil-knisja tal-Balluta. “Hu qal li kien hemm influwenza li tikkontrolla l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu. Meta staqsejtu x’kienet din l-influwenza, poġġa subgħajh ma’ ħalqu u bħal meta wieħed jgħidlek biex toqgħod kwiet, u qal li ma setax jagħti risposta,” xehed it-tabib.

Ix-xhud qal li kien ikkonsulta mal-kollegi fil-psikjatrija u dawn kienu rrakkomandaw li Aquilina jiġi evalwat u osservat aktar. Filletti qara mir-rapport mediku: “Aquilina insista li kien f’saħħa perfetta u wera sinjali ta’ aġitazzjoni li żdiedu man-numru ta’ mistoqsijiet li saru.”

“Ta dettalji ta’ dak li kien għamel fil-knisja?” staqsa l-avukat. “Le, imma l-Pulizija kienet semmiet li kien qed jagħti bis-sieq fuq xi oġġetti ġewwa l-knisja tal-Balluta.” It-tabib ma kienx staqsa lil Aquilina dwar il-qtil peress li dak il-ħin ma kienx qed jiġi marbut mal-każ, huwa qal.

Meta kontro-eżaminat mill-avukat difensur ta’ Aquilina Mario Mifsud, ix-xhud qal li kien irrakkomanda li Aquilina jittieħed immedjatament l-isptar, fuq parir tal-psikjatri, iżda ma setax jikkonferma li dan, fil-fatt, seħħ. Id-daħka kontinwa tal-akkużat kibret hekk kif ix-xhud li jmiss, infermiera senior staff fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, telhħet fuq il-pedana tax-xhieda, għalkemm ir-raġuni għal dan mhix ċara.

“Kont ħadt ħsieb il-pazjent jien stess u kont għaddi xi swabs tad-demm li kien fuq idejh, lill-pulizija.” Ix-xhud għarfet lill-akkużat fl-iżbarra, u qalet li dak iż-żmien kellu xagħru bjond ibbliċjat. “Meta daħal kien aġitat, kelli naddaflu jdejh għax kienu mimlijin demm. Idu x-xellugija kienet infaxxata, imma mhux minn naħa tagħna,” hija qalet waqt li spjegat li kien qed juża faxxa b’mudell ta’ camouflage li ma kinitx inħarġet mis-servizz tas-saħħa.

“Hu ried li naddaf il-ferita b’soluzzjoni magħrufa bħala salina biss, qabad il-flixkun biex jiċċekkja jekk kienx mielaħ.” Hija kienet tat is-swabs tad-demm lil wieħed mit-tliet uffiċjali tal-Pulizija li akkumpanjaw lil Aquilina, hija qalet. Il-Qorti semgħet ukoll żewġ kuntistabbli tal-Pulizija jixhdu dwar ix-xena tad-delitt.

Ix-xhieda, it-tnejn fakkru li ntbagħtu Tas-Sliema mill-‘control room’. Hekk kif resqu lejn il-post, kien avviċinahom ċittadin barrani biex jgħidilhom fejn kien il-katavru. Spjega li kien ipprova jgħatti lill-vittma biex jipproteġi l-pudur tal-mara sakemm waslet il-Pulizija, għax hija kienet parzjalment mhux libsa.

L-uffiċjali tal-Pulizija qalu li mbagħad kienu għattew il-katavru ta’ Dembska b’folja. Fil-post instabu wkoll il-jeans u l-ħwejjeġ ta’ taħt tagħha, qalu li jiddeskrivu wkoll kif iż-żraben tagħha tal-ġiri kienu kienu fil-ġenb, flimkien ma’ handbag kulur il-krema.

Troffiet ta’ xagħar, ssuspettati tal-vittma, kien imdendel mal-puġġaman. Il-vittma kien intlaqtet ukoll f’wiċċu, huma qalu. Iż-żewġ uffiċjali ġew murija ritratti tax-xena tad-delitt u mitluba jikkonfermaw id-dettalji. Il-Qorti laqgħet talba mill-Prosekuzzjoni li talbet xhud biex jixhed mill-Kolombja permezz ta’ videoconference.

Il-Qorti ħatret traduttur biex jittraduċi talba f’dan is-sens mill-Malti għall-Ispanjol, sabiex din tintbagħat lill-awtoritajiet Kolombjani. Il-każ ikompli f’Marzu. L-Ispettur Shaun Pawney megħjun mill-avukati tal-AG Darlene Grima u Anthony Vella mexxa l-Prosekuzzjoni. Għall-akkużat deher l-avukat Mario Mifsud. L-Avukat Stefano Filletti assista bħala parte civile.