Lokali

Clayton Bartolo jiġġustifika n-nefqa eżorbitanti fuq id-dinosawri

Jibqa’ ma jweġibx kemm nefaq il-Gvern b’rabta mad-deal ma’ Manchester United

Il-Belt Valletta, il-Mellieħa u l-Birgu. Tlett lokalitajiet li kellhom l-unur mgħoti lilhom mill-Ministeru għat-Turiżmu li jospitaw tlett statwi ta’ dinosawri mill-film maħdum f’Malta ‘Jurassic World Dominion’.

Tlett statwi ta’ Velociraptor mqiegħda f’nofs is-sajf li għadda li swew lil pajjiżna eluf ta’ ewro. Waqt domanda parlamentari fix-xhur li għaddew, il-Ministru responsabbli mit-Turiżmu u t-Turisti, Clayton Bartolo kien saħaq li dawn l-istatwi ġurassiċi ġew jiswew €36,900…mentri b’kollox issa iswed fuq l-abjad swew lit-taxxi tal-familji Maltin u Għawdxin €66,000.

Iżda il-Ministru Bartolo saħaq li x-shipping ma nkludihx  fil-prezz ta’ kemm ġew jiswew dawn l-istatwi għax skont hu żewġ affarijiet differenti.

Bartolo attakka lill-ġurnalisti sabiex jagħmlu daqsxejn il-homework bażiku….daqslikieku l-ħlas tal-importazzjoni u l-manifattura ma jkunux inklużi fl-ammont globali ta’ kemm il-Malti spiċċa ħallas għal dawn il-velociraptors – illi swew €22,000 kull wieħed.

Intant, Net News għal darb’oħra reġa’ staqsa lill-Ministru Clayton Bartolo kemm ġiet tiswa s-serata tal-Malta Film Awards organizzata aktar minn sena ilu…bil-Ministru Bartolo għal darb’oħra…minkejja li l-professjoni tieghu hija ta’ accountant, sabha diffiċli biex jgħidilna l-ammont eżatti. Minflok, ħeġġeġ lill-ġurnalisti sabiex jagħmlu xogħolhom.

Net News staqsa wkoll lil Bartolo kemm ġie jiswa l-ftehim li għamel il-Gvern mal-klabb tal-futbol Ingliż Manchester United wara li ħarab milli jwieġeb domanda parlamentari minħabba r-raġuni ta’ interessi kummerċjali..bil-Ministru għal darb’oħra jagħżel li ma jweġibx.

Clayton Bartolo insista li ma jistax jikxef kemm ħareġ il-Gvern..u għaldaqstant il-poplu għadu mingħajr risposta dwar kif Bartolo qed jonfoq flus il-familji Maltin u Għawdxin; għajr it-tlett dinosawri li ġew jiswew mat-€66,000, shipping inkluż.