Lokali Qorti

Exodus ta’ ħaddiema mill-Qorti: Injorati d-diversi talbiet tagħhom u tal-ġudikanti

Numru ta’ ħaddiema tal-Qorti kkwalifikati qed jiddeċiedu li jħallu l-Qorti u jibdlu l-impieg tagħhom minħabba li minkejja li r-responsabbilità tagħhom hija waħda kbira, l-pagi huma miżeri meta mqabbla ma’ setturi oħra fuq il-post tax-xogħol, anke fi ħdan is-settur pubbliku.

Nuqqas ta’ deputati hija waħda mill-ħafna problemi li hemm fil-Qorti fejn il-Maġistrati qed ikollhom jissellfu ta’ xulxin minħabba li ma hemmx biżżżejjed. Dan qed joħloq inkonvjent kbir għall-ġudikanti fejn l-erba’ Maġistrati ġodda li għadhom kemm ġew maħtura, se jkollhom jiffaċċaw l-istess problemi hekk kif jibdew ix-xogħol tagħhom.

“Pakketti finanzjarji sura ta’ nies, inċentiv ta’ xejn minkejja r-responsabbilità kbira li għandna fuq spallejna”, qed jgħidu ħafna deputati tal-ġudikanti li fost minnhom li għadhom jaħdmu l-Qorti qegħdin japplikaw biex isibu mpieg ieħor. Ħafna mit-tort li l-kawżi jaqgħu lura ta’ spiss jaqa’ fuq l-ispallejn il-ġudikanti u li dan mhuwiex il-każ.

Fost id-diffikultajiet ta’ riżorsi fil-Qorti huwa t-traskrizzjonijiet, fejn dawn qegħdin jaqgħu lura snin, f’xi każi bi tliet snin. L-ilmenti huma li l-ħlas ta’ traskrizzjoni hija tal-mistħija. Il-ħlas huwa ta’ ewro u sebgħin ċenteżmu kull 200 kelma. Xogħol li jieħu l-ħin għax wieħed irid jagħmel traskrizzjoni ta’ kawża li ġieli tieħu s-sigħat biex imbagħad jitħallas bil-loqom.

Problemi oħra huma n-nuqqas ta’ spazju li hemm fil-Qorti kemm għall-ħaddiema kif ukoll biex jitpoġġew l-esebiti tal-Qorti. Kull min jaħdem il-Qorti qed ilissen l-istess kelma, “qatt ma kollna f’sitwazzjoni prekarja bħal din’. “Dan kollu jafu l-Ministru Jonathan Attard. Minkejja li ilu li nħatar bħala Ministru għall-Ġustizzja, għal kważi sena, f’Marzu 2022, baqa’ ma sar assolutament xejn”, hija l-kelma li qed tiġri fil-kurituri tal-Qorti.