Lokali

“Flimkien sabiex insawru soċjetà li tixraqilna” – Bernard Grech

Magħqudin sabiex naħdmu għal ġid tagħkom, ta’ uliedkom u tan-neputijiet. Flimkien mal-Partit Nazzjonalista nilħqu t-tragwardi tant importanti għal ġid tal-familji Maltin u Għawdxin…u dawk kollha li jgħixu f’dawn il-Gżejjer.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività socjali organizzata fid-Dar Ċentrali l-Erbgħa filgħodu fejn saħaq li bħala partit wieħed kemm barra kif ukoll fi ħdan il-Parlament kull Deputat qiegħed jaħdem qatigħ għall-ġlieda favur id-demokrazija.

Huwa sostna li l-Gvern qiegħed jinjora l-karba tal-poplu quddiem iż-żieda fil-prezzijiet u n-nuqqas ta’ mediċini fejn jinħeba wara s-sitwazzjoni ta’ barra minn xtutna u jonqos milli jerfa’ r-responsabbilità ta’ għemilu.

Bernard Grech għal darb’oħra insista li l-kwalità ta’ servizzi tas-saħħa fi ħdan l-Isptar Mater Dei m’humiex ta’ standard li jixirqu kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-ħaddiema fi ħdan l-isptar li jaħdmu b’tant dedikazzjoni u sagrifiċċju. Dan frott ta’ indħil politiku u management ħażin.

Huwa ħeġġeġ liċ-ċittadini sabiex ma jibżgħux isemmgħu leħinhom, għaliex huwa dover li fejn jaraw li qed isiru l-inġustizzji, fejn jaraw u jesperjenzaw il-ħażin iwasslu l-messaġġ tagħhom fl-apert – għax b’hekk biss, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, jistgħu jbiddlu s-soċjetà tagħna għall-aħjar.

Bernard Grech saħaq li bil-ħidma ta’ kulħadd, tista’ verament issir il-bidla li dan il-pajjiż għandu tant bżonn.

Preżenti għal din l-attivita kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino illi fakkar kif nhar it-Tlieta 7 ta’ Frar, proprju f’għeluq snin l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, eks Prim Ministru u President Emeritu Eddie Fenech Adami se tkun qed issir maratona ġbir ta’ fondi li se tkun qed tixxandar kemm fuq Net Television kif ukoll fuq Net FM.