Lokali

AĠĠORNATA: Assistent Kap ta’ Skola aggredit minn student f’Għawdex

L-MUT qed issegwi każ ta’ aggressjoni fil-konfront ta’ edukatur, li seħħ ilbieraħ 31 ta’ Jannar fi skola Għawdex. Dan l-edukatur safa aggredit minn student u b’konsegwenza t’hekk ġarrab ksur f’idejh li jista’ jwassal għal diżabilità permanenti.

Il-union qiegħda f’kuntatt mal-edukatur konċernat, mal-iskola, u qed tattendi laqgħa mal-Ministeru, li ntalbet b’urġenza mill-union, sabiex tiddiskuti s-sitwazzjoni. Il-każ ġie rrapurtat ukoll, u qiegħed jiġi segwit, mill-Pulizija.

Kelliem għad-Depot ikkonfermalna li l-każ għadu qed jiġi investigat.

L-MUT, fi stqarrija, ikkundannat bla riservi kull każ ta’ aggressjoni u ser tkompli tirraporta, ssegwi każijiet ta’ aggressjoni fuq edukaturi u tagħti sapport lill-edukaturi li jiġu bżonn l-għajnuna. Apparti hekk, l-MUT terġa’ tisħaq sabiex ikun hemm struttura ta’ sapport adegwat fl-iskejjel sabiex dawn il-każijiet ma jseħħux.

Stqarrija wara l-laqgħa mal-Ministeru

Il-Ministeru informa lill-MUT li qiegħed iwaqqaf kumitat biex jistabilixxi l-fatti b’rabta ta’ dan il-każ. L-MUT insistiet li l-Ministeru jagħti s-sapport kollu lill-edukatur li safa vittma ta’ dan il-każ, u kif ukoll lill-edukaturi kollha fl-iskola. 

L-MUT pproponiet li jitwaqqaf review board sabiex janalizza s-sitwazzjonijiet diffiċli li qed jaffaċċjaw l-edukaturi fiċ-ċentri tar-riżorsi kollha. Dan għandu jwassal għal rakkomandazzjonijiet meħtieġa biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Il-Ministeru aċċetta din it-talba u l-bord ser ikollu wkoll rappreżentant mill-MUT. 

L-MUT ser tibqa’ ssegwi u tagħti s-sapport tagħha fejn hemm bżonn.