Lokali

“Id-deċiżjoni tal-Gvern dwar iż-żewġ terzi hi pass perikoluż għal pajjiżna”

Id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jibqa’ jwebbes rasu u jgħaddi l-vot favur il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards mingħajr il-bżonn taż-żewġ terzi hi pass perikoluż ferm għal pajjiżna.

Kien dan li nnota l-Editorjal ta’ The Malta Independent hekk kif it-Tnejn fil-Parlament għadda l-vot favur il-mekkaniżmu anti-deadlock biex jinħatar Kummissarju tal-Istandards ġdid.

L-Editorjal ikompli jgħid li l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards taħt idejn George Hyzler kien l-uniku istituzzjoni f’dawn l-aħħar snin li kienet taħdem kif suppost. Hyzler kien magħruf bħala dik il-persuna eżemplari li kienet tinvestiga u tippublika l-affarijiet eżatti kif inhuma.

U hawnhekk fejn l-Editorjal iqajjem tħassib dwar jekk kinitx għal din ir-raġuni li l-Gvern Laburista ried lil Hyzler jitlaq minn din il-pożizzjoni tant kurċjali għal pajjiżna.

Għalkemm, fil-maġġorparti tad-drabi, is-suġġerimenti ta’ George Hyzler li ħarġu ma’ kull rapport li sar, dejjem spiċċaw fuq l-ixkaffa, bil-Gvern ta’ Robert Abela jagħtihom il-ġenb qisu xejn mhu xejn.

Il-Partit Nazzjonalista propona tliet persuni għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, bil-Gvern Laburista jibqa’ jirrifjuta l-ismijiet proposti mill-Oppożizzjoni. Issa, dan ifisser li l-Gvern jista’ jaqbad u jagħżel lil min irid għal din il-pożizzjoni mingħajr il-bżonn ta’ approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-parlament.

Dan il-mekkaniżmu issa jispeċifika li jekk ma jintlaħaqx il-qbil wara żewġ voti l-Kummissarju għall-Istandards jkun maħtur b’maġġoranza sempliċi. Il-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti fuq l-uniku isem li ressaq għal din il-kariga… dak tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.