Lokali Qorti

Il-Prim Ministru għandu jirtira d-diskors li qal dwar il-membri tal-ġudikatura u jiskuża ruħu pubblikament – PN

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela biex jirtira d-diskors li qal dwar il-Qrati u l-Membri tal-Ġudikatura fid-diskors tiegħu f’Birkirkara l-Ħadd filgħodu, kif ukoll jiskuża ruħu għall-imġieba ħażina u l-eżempju ħażin li ta bid-dikjarazzjonjiiet irresponsabbli u perikolużi li għamel.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

F’soċjetà demokratika mhu aċċettabbli qatt li Prim Ministru jkollu u jiftaħar waqt laqgħa politika, li qed ikollu komunikazzjonijiet ma’ membri tal-ġudikatura meta jaf li l-membri tal-ġudikatura huma fid-dover li ma jikkomunikawx ma’ ebda persuna dwar il-qadi tad-doveri tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu biss il-Prim Ministru għadda wkoll rimarki dwar l-għażla tal-membri tal-ġudikatura f’tentattiv ċar biex jipprova jinfluwenza lill-persuni li huma involuti fl-għażla tal-persuni li għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika bħala Imħallfin u Maġistrati.

Hu skandaluż kif, minflok jiżgura li l-Prim Ministru jaġixxi b’mod korrett, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard spiċċa kompliċi miegħu u issa qed jipprova jiġġustifika u jiftaħar bl-imġieba ħażina tal-Prim Ministru.

Bl-imġieba ħażina u ripetuta tagħhom, Robert Abela u Jonathan Attard qed jikkonfermaw li m’għandhom l-ebda rispett lejn l-indipendenza u l-awtonomija tal-membri tal-ġudikatura.

Għalhekk, il-Prim Ministru għandu jiskuża ruħu pubblikament ma’ kull min qed jaqdi rwol fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna u mal-poplu Malta u Għawdxi għall-imġieba ħażina u l-eżempju ħażin li ta bid-dikjarazzjonjiiet irresponsabbli u perikolużi li għamel, filwaqt li jirtirahom b’mod immedjat.