Internazzjonali

Ir-Renju Unit:  L-għalliema jissieħbu fl-akbar strajk ġenerali fil-pajjiż għal għaxar snin

Għalqu l-eluf tal-iskejjel madwar ir-Renju Unit waqt li l-għalliema u membri oħra tal-istaff fis-settur edukattiv ingħaqdu fi strajk straordinarju minħabba kwistjoni ta’ salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol.

L-azzjonijiet industrijali saru f’diversi bnadi tal-Ingilterra u Wales, b’aktar minn 100,000 għalliem jieħdu parti fis-strajk tan-National Education Union – jew NEU.

Is-Segretarju Britanniku għall-Edukazzjoni, Gillian Keegan, insistiet li l-maġġoranza tal-iskejjel fil-pajjiż għandhom jiffunzjonaw fuq bażi limitata. Madankollu, il-kelliema għan-NEU stennew l-għeluq, almenu parzjali, ta’ mill-anqas 85 fil-mija tal-iskejjel.

Sadanittant, l-Oppożizzjoni fil-House of Commons qed takkuża lill-Gvern tal-Prim Ministru Rishi Sinak bħala responsabbli għal din il-kriżi fis-settur edukattiv. Il-Viċi-Kap Laburista, Angela Rayner, fil-fatt, akkużat lill-Gvern b’li kellu ‘intenzjoni biex jixpruna dan il-konflitt mal-għalliema’.

Fl-aħħar sigħat, il-ħaddiema maċ-ċivil, il-lecturers tal-universitajiet  u x-xufiera tal-ferroviji u l-karozzi tal-linja wkoll ħarġu fuq strajk – biex b’hekk ikkontribwew għall-akbar jum ta’ azzjonijiet industrijali fir-Renju Unit tul l-aħħar għaxar snin.

Il-ħaddiema mal-ferroviji li huma msieħba mal-RMT union, intant, ingħataw offerta riveduta għas-salarji mingħand in-Network Rail u meta qed tkompli tilwima ħarxa dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

B’konsegwenza tal-azzjonijiet industrijali spiċċa jagħlaq anki l-British Museum minħabba li l-ħaddiema tiegħu – membri tal-union PCS — wkoll ħadu sehem fl-istrajk nazzjonali tal-bieraħ.

L-Oppożizzjoni Laburista akkużata b’opportuniżmu

L-azzjonijiet industrijali tal-massa kienu trattati waqt is-sessjoni Prime Minister’s Questions fil-House of Commons ta’ Londra fejn il-Prim Ministru Sunak akkuża lill-Oppożizzjoni Laburista b’li qed tipprova tirkeb fuq il-kriżi filwaqt li tipprova żżid l-inċertezza bil-ħsieb ta’ xi gwadann politiku.

Rishi Sunak sostna li l-Laburisti Britanniċi qegħdin jagħlqu għajnejhom għal ‘kultura ta’ protesti’ u li l-Kap tal-Partit Laburista, Keir Starmer, mhux kapaċi jikkonfronta lill-unions u jieqfilhom. Sunak akkuża lil Starmer b’li qed iżomm mal-aktar dimostranti radikali u estremisti – fosthom l-attivisti mal-kampanja Just Stop Oil – waqt li spjega li d-deputati tal-Gvern qegħdin jappoġġjaw lit-tfal tal-iskola li qegħdin ibatu l-effetti tal-azzjonijiet industrijali.

Min-naħa tiegħu, Starmer wieġeb lil Sunak u qal li l-Prim Ministru qed jipprova jwaħħal fl-Oppożizzoni għall-fatt li hu ma rnexxilux jikkontrolla d-diżgwid industrijali fil-pajjiż.