Lokali

Is-CRPD tappella għal protezzjoni tal-għalliema u biex studenti diżabbli ma jitwarbux

Artikolu 24 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li ġiet trasposta fil-liġijiet ta’ Malta f’Kapitolu 627, Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, titkellem ċar dwar id-dritt li persuni b’diżabilità jkollhom opportunitajiet indaqs biex jaċċessaw l-edukazzjoni, f’ambjent inklussiv u mingħajr diskriminazzjoni.

B’reazzjoni għal dak li ntqal fuq il-midja dwar l-inċident li seħħ fl-iskola primarja u ċentru tar-riżorsa, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan uriet solidarjetà mal-Edukattur konċernat filwaqt li qalet illi l-midja għandha tkun responsabbli fir-rappurtaġġ tagħha, sabiex tevita sensazjonalizzazjoni u l-istigma fil-konfront tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.

Filwaqt li ma kkumentatx fuq dan l-inċident partikolari, is-Sa Pace Gasan qalet li biex nipprevenu dawn l-inċidenti, persuni b’diżabilità li jkollhom tendenzi li jesprimu ruħhom b’mod li mhux normalment aċċettabli fis-soċjetà, għandhom ikunu mismugħa u pprovduti bis-sapport neċessarju.

Persuna b’diżabilità hija persuna b’mod sħiħ, inkluż bl-interessi tagħha, xewqat u talenti, iżda wkoll b’emozzjonijiet u ħsibijiet li jistgħu jkunu qegħdin jinkwetawhom. Dawk li jipprovdu s-servizzi għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni il-possibilità li persuni b’diżabilità jkollhom sfidi ta’ kommunikazzjoni u jkollha aktar sensi sensittivi li twassal biex taġithom meta f’sitwazzjonijiet jew ambjent li ma jkunux komdi fihom jew f’perjodi li jkunu diffiċli għalihom.

Għaldaqstant huwa importanti li jsiru akkommodazzjonijiet neċessarji biex nassiguraw li l-ambjent li jkunu qegħdin fih ikun wieħed komdu u aċċessibli b’mod sħiħ, u li s-servizzi relatati ma’ komunikazzjoni jkunu qegħdin joperaw bl-aħjar mod sabiex aktar persuni b’diżabilità jkollhom l-opportunità li jesploraw il-mezzi ta’ kommunikazzjoni, inkluż dawk teknoloġiċi, tal-preferenza tagħhom.

Filwaqt li s-CRPD tikkunsidra t-tħassib dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema u studenti oħrajn, studenti b’diżabilità m’għandhomx jiġu esklużi jew segregati minħabba d-diżabilità tagħhom. It-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema fl-iskejjel sabiex verament ikollna soċjetà aktar inklussiva huwa essenzjali.

Il-Kummissarju Pace Gasan saħqet fuq l-importanza ta’ djalogu kontinwu sabiex dawn l-isfidi jiġu ndirizzati, fl-interess ta’ kulħadd. Is-CRPD qegħda taħdem sabiex jiġi stabbillit grupp ta’ ħidma mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, skont kif stipulat fl-iStrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżablità; b’din ir-realtà tiġi meqjusa bħala waħda mill-ewwel prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati fl-iskejjel.