Lokali

Kważi 80% tan-negozji tal-familja m’għandhomx pjan strateġiku għall-futur

Waqt konferenza li saret mill-Malta Chamber ħareġ kif kważi 80% tan-negozji Maltin immexxija mill-familji m’għandhomx pjan strateġiku b’miri speċifiċi għall-futur tan-negozju tagħhom.

Minn studju li sar, irriżulta li 75% tan-negozji f’pajjiżna huma negozji tal-familja, wara li n-negozju jkun waqa’ taħt idejhom mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.

Il-fatt li numru kbir ta’ negozji m’għandhomx pjan strateġiku huwa ta’ nkwiet kbir hekk kif mal-iżgħar inkonvinjenti li jaffaċja n-negozju…ikun ifisser li dawk li jmexxuh m’għandhomx pjan kif jistgħu joħorġu minnu bl-inqas ħsara possibli.

Ħareġ ukoll li 65% ta’ dawk li qed imexxu n-negozju m’għandhomx pjan għas-suċċessuri tagħhom. Dan ifisser li jekk jinqala’ xi ħaġa għall-għarrieda, il-ġenerazzjoni ta’ warajhom ma jkunux jafu kif għandhom ikomplu fejn ħallew ta’ qabilhom. U dan b’riskju kbir li n-negozju jisfaxxa fix-xejn.

Mill-istudju li sar miċ-Chamber ġie nnotat li wieħed minn kull ħames negozji m’għandhomx board tad-diretturi, li jiddiskutu l-futur tan-negozju. Dan huwa ta’ nkwiet meta tara li minn dawn, nofshom lanqas biss għandhom pjan ta’ strateġija …. filwaqt li 73% m’għandhomx pjan ta’ suċċessjoni.

Il-Malta Chamber, minn dan l-istħarriġ li sar bejn Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra, innotat li hawn ħafna negozji li qed jipprovaw jimxu ‘l quddiem iżda qatt m’huma jaslu. Huma appellaw biex kull negozju jindirizza l-problemi qabel jaslu fuqhom…u mhux jibdew ifittxu soluzzjonijiet meta jkun tard wisq.