Internazzjonali

L-Awstralja: Nifs twil wara s-sejba ta’ kapsula radjuattiva

L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Western Australia irnexxielhom isibu kapsula radjuattiva li kienet ilha nieqsa mix-xahar li għadda – b’din l-aħbar tqanqal sens ta’ solljev minħabba l-implikazzjonijiet relatati mal-każ.

Kelliema għas-servizzi tal-emerġenza qalu li s-sejba kienet kważi ‘mirakoluża’ minħabba d-diffikultajiet assoċjati mat-tfittxija….Tfittxija li kienet ilha għaddejja mindu ntilfet il-kapsula f’ħin meta din kienet qed titwassal tul rotta ta’ 1,400 kilometru f’Western Australia.

L-awtoritajiet, qabel, kienu ħarġu r-riratti tal-kapsula – ta’ daqs żgħir (b’dijametru ta’ sitt millimetri) u li setgħet wettqet effetti serji għas-saħħa li kieku xi ħadda qabadha b’idejh.

Is-sejba kienet ikkonfermata wara eżami tas-serial number fuq il-kapsula li fiha kwantità żgħira ta’ Caesium-137….Materjal li kapaċi jwassal għall-mard assoċjat mar-radjazzjoni.

Il-grupp tal-kumpanniji Rio Tinto, li hu isem famuż fil-qasam tal-minjieri, talab skuża dwar it-telfa tal-kapsula li tintuża għall-kejl tal-fond tal-art f’din l-industrija. Intant, fl-aħħar sigħat twaqqaf ‘hot zone’ għall-interessi tas-sigurtà madwar il-kapsula fost il-pjani biex din titqiegħed f’kontejner speċjali. Il-pjan kien jesiġi biex il-kapsula tinżamm taħt sigurtà f’lokalità fil-belt ta’ Newman qabel titwassal lejn faċilità fil-belt ta’ Perth.