Lokali Qorti

Ma jingħatax permess li jkollu liċenzja u munizzjon fl-interess tal-ordni pubbliku

It-tribunal ta’ reviżjoni amministrattiva laqa’ talba tal-Kummissarju tal-Pulizija biex raġel ta’ 58 sena minn Ħaż-Żebbuġ ma jingħatalux permess li jkollu liċenzja għal armi u munizzjon fl-interess tal-ordni pubbliku. Raymond Mifsud kien ippreżenta rikors fil-15 ta’ Lulju tal-2021applika sabiex tingħatalu liċenzja ta’sparatur bil-mira A u B taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kap.480 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Din it-talba kienet irrifjutata bl-applikant jgħid li dak li ġie spjegat lilu mill-ogħla awtorità tal-korp tal-Pulizija huwa wieħed infondat. L-Ispettur Therese Sciberras xehdet li hija stazzjonata l-Weapons Office, liema uffiċju jipproċessa l-liċenzji in kwistjoni.

Spjegat illi l-liċenzji li applika għalihom jagħtu d-dritt lil min ikollu tali liċenzji li jżomm ammont konsiderevoli ta’ armi u wkoll ammont kbir ta’ munizzjon. Spjegat li bħala parti mill-vetting isiru verifiki mal-fedina penali tal-applikant, huwa kien instab ħati ta’ diversi reati fosthom ksur tal-paċi pubblika, theddid, inġurji, feriti ħfief u theddid fuq uffiċjal pubbliku.

Xehdet li dawn ir-reati huma relatati mal-ordni pubbliku u vjolenza kontra l-proprjeta` u persuni. Barra minn hekk, fl-2014 kien hemm ukoll rapport ta’ inġurji u theddid fid-distrett ta’ Tas-Sliema, fl-2019 kien hemm rapport ta’ feriti wkoll fl-istess distrett fejn sussegwentement sar ftehim bejn il-partijiet u twaqqgħu l-akkużi, u fl-2019 ukoll kien sar rapport ta’ inġurji u theddid ġewwa d-distrett ta’ Ħal-Qormi fejn sussegwentement il-partijiet irrinunzjaw għall-akkużi fil-konfront ta’ xulxin.

Tispjega li meta wieħed jara l-fedina penali tar-rikorrent jinduna li bejn l-1983 u l-2005 kien hemm perjodu fejn jidher li kellu problema jikkontrolla lilu nnifsu u r-rapporti li saru fis-snin riċenti jindikaw li din il-problema għadha tippersisti.

Fix-xhieda tiegħu Mifsud qal li huwa kien fetah tourist booking Office ġewwa Tas-Sliema fejn biswitu kien hemm booking Office ieħor ta’ ċertu familja Zammit. Spjega li mill-mument li l-familja Zammit rawh jarma n-negozju tiegħu, raw x’għamlu biex jagħmlulu l-bsaten fir-roti għaliex kien qed joffrilhom kompetizzjoni u b’hekk spiċċa b’kawżi kriminali fil-konfront tiegħu.

Mifsud esebixxa wkoll sentenza li l-familja Zammit, u iktar preċiż ċertu Anthony Zammit, għamlet kontra kompetitur ieħor u wkoll affidavit ta’ diversi persuni barranin dwar kif membri tal-istess familja Zammit kienu allegatament jippruvaw joħdulu l-klijenti. In kontro-eżami Mifsud wieġeb illi r-reati li tagħhom instab ħati matul is-snin ma kinux jirrelataw kollha mal-familja Zammit.

Mifsud tella’ xi persuni bħala xhieda. Father Daniel Cardona stqarr illi kien ilu midħla tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ ‘il fuq minn 20 sena fejn kien ilu jafu  għal xi 15-il sena. Huwa iddeskrivih bħala ta’ karattru affabbli, bieżel, disponibbli, sinċier u tal-affari tiegħu u li qatt ma ra għemil ħażin min-naħa tiegħu.

In kontro-eżami, ix-xhud wieġeb li hu ma kienx jaf il-kontenut tal-fedina penali tiegħu. Xhud ieħor kien Alfred Grixti, eks Sindku ta’ ĦażŻebbuġ, li stqarr li l-Kunsill Lokali kien ġieli uża s-servizzi ta’ trasport li kien joffri Mifsud. Qal li qatt ma sema’ xi affarijiet negattivi fuqu u għalih huwa affidabbli. Huwa wkoll ma kellux konoxxenza ta’ xi reati li seta’ wettaq Mifsud.

Dr. Malcolm Paul Agius Galea, li huwa wkoll eks Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ u tabib tal-familja qal li maż-żmien stabbilixxa relazzjoni iktar fil-fond u ġieli ħa pariri mingħandu fil-mixja politika tiegħu. Qal li Mifsud kien involut f’diversi organizzazzjonijiet ġo Ħaż-Żebbuġ u li huwa stmat minn ħafna nies. Huwa stqarr li r-rikorrent dejjem għenu u tah pariri tajbin f’ċerti sitwazzjonijiet li kien jiġi rinfaċċjat bihom.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħaha qalet li filwaqt li t-Tribunal japprezza illi Mifsud jista’ jkun li għandu l-karattru deskritt mix-xhieda prodotti minnu, madanakollu fejn jidħlu liċenzji ta’ armi tan-nar irid ikun kawt ħafna għaliex hawn si tratta dwar is-sigurtà ta’ terzi.

Għalhekk, meta l-Kummissarju talPulizija jiġi biex iwieżen l-interessi tal-applikant li jottjeni l-liċenzja, versu li-nteressi tas-sigurtà tat-terzi huwa raġjonevoli li jiżen sew dak li turi l-fedina penali tiegħu. Sfortuntament il-kondotta ta’ Mifsud timmilita kontra tiegħu u bħall-Kummissarju, t-Tribunal, huwa tal-fehma illi tenut kont tal-preċedenti penali tiegħu, m’għandux jingħata l-liċenzji mitluba.  

Għaldaqstant, it-Tribunal iqis li l-Kummissarju eżerċia d-diskrezzjoni tiegħu b’mod raġjonevoli. Għaldaqstant, it-Tribunal, ċaħad l-appell ta’ Mifsud u laqa’ r-risposta tal-Kummissarju tal-Pulizija.