Lokali Turiżmu

Malta għadha ma laħqitx il-livelli tal-2019, iżda għamlet irkupru b’saħħtu – MHRA

Irkupru b’saħħtu iżda l-profitti xorta waħda għadhom ma laħqux il-livelli tal-2019…dawk ta’ qabel il-pandemija.

Hekk sostniet l-Assoċjazzjoni tal-Lukandieri l-MHRA meta l-Erbgħa waranofsinhar ġew ippreżentati n-numri tal-aħħar kwart tas-sena għas-sena 2022.

Matul il-BOV-Deloitte Hotels’ Quaterly Performance Review, ġie spjegat li minkejja l-bidu diffiċli ħafna kawża tar-restrizzjonijiet tal-pandemija..matul il-bqija tas-sena t-turiżmu f’pajjiżna gwadanja ċertu momentum fejn matul is-sena kollha… b’kollox… Malta laħqet 83% tal-livelli tal-2019.

Ġie spjegat ukoll li l-ammont ta’ ljieli li qattgħu f’pajjiżna t-turisti kienu ftit aktar minn dak tal-2019 iżda n-nefqa totali tat-turisti kienu ftit inqas minn 91% tal-ammont li nefqu fl-2019.

Intant, il-President tal-MHRA Tony Zahra saħaq li huwa importanti li pajjiżna jilħaq il-livelli tal-2019 mill-aktar fis possibli.

Dan filwaqt li insista dwar l-importanza tal-konnettività ma’ pajjiżi oħra speċifikament l-importanza tal-Air Malta għal pajjiżna fejn sahaq li l-linja tal-ajru nazzjonali għandha tibqa’ topera…bil-għan li dawn in-numri jilħqu l-livelli mixtieqa.

Intant, b’rabta mas-sigurtà f’pajjiżna Tony Zahra sostna li huwa imperattiv li jkollna l-livell ta’ sigurtà li kellna fi snin passati.