Lokali Qorti

Mhux ħatja ta’ frodi fil-konfront tal-MPT għax kellha tiġi akkużata b’reat ta’ serq

Mara miż-Żurrieq li kienet tbigħ il-biljetti tat-trasport pubbliku ma nstabitx ħatja li ffrodat lill-kumpanija ‘Malta Public Transport’ madwar €17,000 minħabba li ġiet akkużata bi frodi li ma wettqitx. Katrina Bugeja, ta’ 28 sena, ma nstabitx ħatja li bejn Ġunju u Diċembru tal-2017 żammet għaliha u għamlet qligħ b’qerq ta’ €17,209.34 , b’dannu għall-MPT.

Rapport mill-kumpanija sar lill-Pulizija fejn kien qed jiġi allegat li din sabet diskrepanzi bejn in-numru ta’ boroż bil-flus li Bugeja ddikjarat li ddepożitat f’kaxxa fi tmiem il-jum tax-xogħol. Il-flus kienu jinġabru minn uffiċjali tal-kumpanija tas-sigurtà. Bugeja kienet tkeċċiet minn mal-kumpanija wara li għaddiet proċeduri ta’ dixxiplina.

Il-Qorti qalet li m’hemmx dubju li kemm il-darba Bugeja għandha tinstab ħatja li qatt ma depożitat id-disa’ boroż li saret riferenza għalihom, boroż kontenenti xiri ta’ biljetti/servizzi mingħand il-kumpanija Malta Public Transport, iżda ħadithom u żammithom għaliha.

Il-każ juri li biċ-ċar li ma kellux x’jaqsam ma’ frodi, fejn l-ingann minn naħa tal-imputata hu għal kollox nieqes – lanqas f’dak ta miżappropjazzjoni ġaladarba ma jinkonkorrux l-elementi sostantivi ta’ dan ir-reat. Għal kuntrarju l-fatti tal-każ jinkwadraw perfettament fir-reat ta’ serq fejn l-imputata kienet qed tieħu flejjes mgħoddija lilha mingħajr il-kunsens tal-MPT, mingħajr l-intenzjoni li tirritornahom, biex tagħmel qliegħ minnhom.

Il-Qorti qalet ukoll li dawn huma l-elementi tar-reat ta’ serq li kellha tiġi akkużata bih l-imputata. Minflok hi ġiet akkużata b’reati ta’ frodi u miżappropjazzjoni, Wara li semgħet ix-xhieda ta’ għadd ta’ uffiċjali u impjegati tal-MPT u tal-kumpanija City Security, responsabbli mill-ġbir tal-boroż, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrimarkat li mhux xogħolha tara kif riċevuti sparixxew bla traċċa u għala boroż li suppost kellhom ikunu fis-‘saf’ qatt ma nstabu fih mill-uffiċjali tas-sigurtà.

Qalet li mill-provi ġie pruvat li kienet Bugeja li rċeviet il-flejjes minn klijenti tal-kumpanija, flejjes li għalkemm bagħtet rendikont tagħhom fi tmiem il-ġurnata ta’ xogħol tagħha, ma sabux posthom fis-safe li suppost kellhom jiġu depożitati fih.

Il-Qorti qalet ukoll li ma temminx li l-imputata ma kinitx konxja tal-importanza tal-irċevuti li kienu l-prova li dak depożitat minnha effettivament inġabar mill-kumpanija. Ma kienitx xi novizza u l-importanza li jiġi indikat ‘serial
numbe’r għarfitu propju meta l-ammont iddepożitat kien jiġi indikat fuq id-‘daily settlement sheet’ flimkien mas-serial number tal-borża li tagħha kellha kull interess iżomm l-irċevuta/ id-‘detachable slip’ tal-parti ta’ fuq li fuqha
kien hemm riprodott is-‘serial number; tal-borża in kwistjoni.

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li l-Qorti temmen li kienet Bugeja li żammet għaliha flejjes li kienu tal-kumpanija
u li ġew mgħoddija lilha mhux mill-kumpanija iżda mill-klijenti. Tenniet ukoll li ma nġiebu ebda provi li juru li l-MPT għaddiet flusha lil Bugeja u lanqas ma ġie pruvat li Bugeja approprjat ruħha minn dawk il-flejjes billi approfittat minnhom għaliha jew għal ħaddieħor jew li saħansitra dawk il-flejjes ġew fdati lilha mill-kumpanija biex tagħmel użu minnhom.

L-akkuża u l-fatti tal-każ kellhom jinkwadraw perfettament fir-reat ta’ serq fejn Bugeja ħadet flejjes mgħoddija lilha mingħajr il-kunsens tal-MPT, mingħajr l-intenzjoni li tirritornahom, biex tagħmel qligħ minnhom. Għalhekk il-Maġistrat Frendo Dimech illiberat lil Bugeja mill-akkużi miġjuba kontriha. L-Ispettur Hubert Cini mexxa l-Prosekuzzjoni.