Internazzjonali

Myanmar: Imfakkra sentejn ta’ tmexxija mill-Ġunta militari

Dimostranti favur id-demokrazija qed jorganizzaw ‘strajk silenzjuż’ biex ifakkru għeluq is-sentejn mindu l-pajjiż spiċċa taħt it-tmexxija tal-Ġunta militari wara kolp ta’ stat.

Id-dimostranti, intant, ħeġġew biex il-pubbliku ma joħroġx fit-toroq u biex in-negozji jibqgħu magħluqin għal dan l-anniversarju ‘iswed’.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Awstralja ħabbru sanzjonijiet ġodda fir-rigward tal-kumpanniji li b’xi mod huma assoċjati mal-militar fi Myanmar. Dan waqt li l-Ġunta li qed tmexxi Myanmar estendiet l-istat tal-emerġenza fil-pajjiż għal sitt xhur oħra.

Skont il-Ġunta, il-pajjiż qed jiffaċċja ‘ċirkustanzi mhux tas-soltu’ u dawn il-kliem qajjmu d-dubji dwar kemm, fil-fatt, għandha ssir elezzjoni ġenerali qabel l-aħħar tas-sena. Fl-istess ħin, qed tkompli r-reżistenza kontra l-militar, partikularment fiz-zoni rurali ta’ Myanmar.