Internazzjonali

Repubblika tal-Kongo: Mal-miljun jattendu l-quddiesa tal-Papa fost arja ta’ ċelebrazzjoni

Il-Papa Franġisku fl-aħħar sigħat iċċelebra quddiesa speċjali f’Kinshasa, il-kapitali tar-Repubblika tal-Kongo, u li għaliha attendew mal-miljun ruħ. Il-quddiesa fl-ajruport ta’ N’dole qed titqies fost l-akbar avvenimenti reliġjużi qatt preseduti mill-Papa mindu hu kien ikkonfermat bħala Kap tal-Knisja, fl-2013.

Il-folol bdew jinġabru għall-quddies minn qabel is-sebħ u magħhom spikkaw numri kbar ta’ bniet tal-iskola, lebsin l-abjad, li ngħaqdu f’żifna tul ir-rotta minfejn kellu jgħaddi l-Papa qabel il-quddiesa.

L-awtoritajiet tal-pajjiż iddikjaraw vaganza pubblika bil-għan li jattendu l-massimu tad-devoti għall-quddiesa unika — u bħalma fil-fatt ġara.

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qabel kienet magħrufa bħala Zaire, b’Kinshasa, fil-passat ikollha l-isem ta’ Leopoldville. Il-pajjiż hu sinjur fil-minerali iżda hu anki mifni bil-konflitt li qed iħalli impatt traġiku għall-poplu.

Madwar nofs il-popolazzjni ta’ dan il-pajjiż huma Kattoliċi minbarra li qed jiffurmaw l-akbar komunità tal-Kattoliċi fl-Afrika.

Iż-żjara tal-Papa hi partikularment sinifikanti għaliex l-aħħar żjara minn Kap tal-Kattoliċi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kienet tmur lura għal 37 sena. Dan ukoll wara li ż-żjara oriġinali tal-Papa Franġisku fil-pajjiż kellha tkun posposta minħabba li hu kien qed ibati bi problemi tas-saħħa.

Għalkemm xi sorsi qed jgħidu li l-Papa ma kritikax biżżejjed lit-tmexxija politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-quddiesa l-kbira f’Kinshasa kienet karatterizzata minn sens ta’ ferħ spiritwali – bil-Papa Franġisku jwassal messaġġ sod ta’ paċi lill-elementi li għaddejjin bil-konflitt fil-pajjiż Afrikan.