Futbol Sport

Sirens isalvaw punt fl-aħħar minuti kontra Valletta

(Ritratt: Jonathan Bugeja)

Rowen Camilleri

SIRENS……………….3

VALLETTA………….3

Sirens: M. Grech, M. Minis, K. Sano, R. Tachikawa (S. Arab 84’), A. Borg, J. Walker, A. Vaikainah (R. Correa 51’), A. Cini, V. Bento, D. Jackson (I. Kolev 46’), S. Sessegnon

Valletta: C. Formosa, E. Ruiz, B. Kamdem, B. Paiber (T. Caruana 73’) E. Sala, N. Nnomo, J. Willy, S. Dimech, K. Bevis, F. Falcone (W. Jebor 73’), A, Zammit (. Gauci 84’)

Imwissija: B. Paiber 60’, C. Gauci 88’ (V),

Skorjaw: S. Dimech 3’, K. Bevis 39’, F. Falcone 54’ (V), V. Bento 49’ pen, 89’ pen, K. Sano 68’ (S)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Paul Apap u Vasil Vasilev

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Shaun Dimech (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Vyctor Bento (Sirens)

F’logħba mimlija emozzjonijiet u li produċiet sitt gowls, Sirens irnexxielhom jieħdu punt hekk kif ġabu lura żvantaġġ ta’ żewġ gowls fi draw ta’ 3-3 kontra Valletta

Valletta kellhom bidu mill-aqwa u wara biss tliet minuti l-captain Shaun Dimech fetaħ l-iskor b’xutt mill-isbaħ li ma ta l-ebda ċans lil Matthew Grech.

Il-goalkeeper żgħażugħ ta’ Valletta Cain Formosa kien impenjat għall-ewwel darba wara kwarta logħob b’xutt ta’ Ayo Vaikainah li kien milqugħ tajjeb mill-istess Formosa.

Valletta għoddhom għamluhom tnejn fit-32 minuta iżda x-xutt ta’ Kylian Bevis għadda jħakkek mal-wieqfa.

Sirens irrispondew minuta wara meta kien Bento li ttanta xortieħ minn barra l-kaxxa iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet għoli.

It-tim immexxi minn Thane Micallef skorja t-tieni gowl fid-39 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Kylian Bevis li għeleb lil Grech għal 2-0, riżultat li bih daħlu jistrieħu ż-żewġ timijiet.

Ma’ l-ewwel minuti tat-tieni taqsima, Sirens urew titjieb fil-logħob tagħhom u wara li fis-47 minuta Vyctor Bento laqat il-lasta, żewġ minuti wara ngħataw penalty għal foul fil-kaxxa ta’ Joseph Willy fuq Ayo Vaikainah. Mill-11-il mietru kien Vyctor Bento li nkariga mill-penalty u ma żbaljax biex reġa daħħal lit-tim minn San Pawl il-Baħar fil-partita.

Dan il-gowl ftit damu jgawduħ Sirens hekk kif Valletta skorjaw it-3-1 fl-54 minuta meta Federico Falcone kompla ġewwa minn kross mix-xellug.

Sirens reġgħu naqqsu l-marġni tal-iskor fis-67 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Bento, Kei Sano xeħet ġewwa mill-viċin bi prattikament lasta vojta.

Sirens komplew jinsistu biex jieħdu xi ħaġa mill-partita u fis-87 minuta ngħataw it-tieni penalty wara li Christian Gauci deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Għal darb’oħra reġa kien Vyctor Bento li mar fuq il-ballun u reġa għeleb lil Formosa għal skor finali ta’ Sirens 3 Valletta 3.