Lokali

Il-Kummissjoni tal-Films tberbaq aktar minn €2 miljuni f’direct orders

Informazzjoni maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern, turi li l-Kummissjoni tal-Films nefqet aktar minn €2 miljuni f’direct orders fuq medda ta’ sena.

Il-lista tal-ħlasijiet tinkludi direct order ta’ €10,000 li intefqu f’lukanda lussuża fil-Belt Valletta, €14,000 sabiex ġie rreklamat artiklu minn kumpanija internazzjonali u madwar €6,000 li l-Kummissjoni tajjret f’servizzi ta’ taxi.

Minn din il-lista ġie stabbilit ukoll li parti sostanżjali minn din is-somma ta’ żewġ miljuni, intużaw sabiex tittella’ is-serata tal-Malta Film Awards tas-sena li għaddiet.

Filfatt direct order minnhom li jammonta għal €47,000, ingħatat lil kumpanija bbażata fi New York li ddisnijat it-trofej tas-serata finali tal-Malta film Awards.

Skont il-ġurnal Times of Malta, diversi kuntratturi li huma midħla tal-Partit Laburista bbenfikaw minn dawn id-direct orders, u ingħad li l-ħlasijiet qabżu sew l-ammonti li jippermetu r-regolamenti tal-public procurement.

Filfatt skont dawn ir-regolamenti – entità tista’ toħroġ direct order sa massimu ta’ €10,000. U kwalunkwe ordni li taqbeż dan l-ammont għandha tiġi approvata mill-Ministeru tal-Finanzi.

Normalment dawn jiġu aċċetati f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss. Madanakollu mhux hekk jidher li sar f’dan il-każ .. għaliex diversi direct orders li nħarġu mill-Kummissjoni tal-Films fl-aħħar sena qabżu sew l-ammont ta’ 10,000 ewro.

Biss biss, il-kumpanija TEC Limited irċieviet l-ammont ta’ €114,000 għall-istaging u madwar €9,000 oħra għal 2 tunnellati konkos.

Dwar il-Malta Film Awards, ta’ min wieħed ifakkar li  f’Awwissu li għadda, meta il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo ġie mistoqsi dwar kemm inħargu flus għall-Film Awards, huwa kien qal li hija impossibli li jgħid kemm intefqu eluf ghal din is-serata.

Filfatt kienu bosta dawk li qalu li l-Gvern ma kienx trasparenti mal-poplu, u apparti dan, il-film-makers Maltin u diversi professjonisti fl-industrija stess kienu lmentaw ħafna dwar l-extragavanza relatata ma’ dan l-avveniment. Il-Kummissjoni tal-Films minn naħa tagħha kienet qalet li segwiet ir-regolamenti kollha tal-public procurment.