Sport Sport Ieħor

Tennis: Organizzata l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MTF

It-Tlieta, fil-Marsa Sports Club, il-Malta Tennis Federation organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Il-President, Dr David Farrugia Sacco, enfasizza l-fatt li r-riżultati u l-prestazzjonijiet tat-timijiet tal-irġiel u tan-nisa għamluha sena mill-aqwa għat-tennis lokali.

It-tim tal-irġiel, li ħa sehem fid-Davis Cup magħmul minn Matthew Asciak, Alex Degabriele, Liam Delicata u Dwayne Pullicino taħt il-gwida ta’ Gordon Asciak kiseb il-promozzjoni għal GRP III. Biex jiksbu dan kellhom jegħlbu lin-nazzjon ospitu, l-Ażerbajġan, u lit-tim qawwi Iżlandiż fil-play off tal-promozzjoni.

It-tim tan-Nisa magħmul minn Elaine Genovese, Francesca Curmi, Helene Pellicano u Emma Montebello taħt il-gwida ta’ Daryl Delicata wkoll kiseb il-promozzjoni għal GRP II wara wirja qawwija fil-BJK Cup li saret fi Skopje, il-Maċedonja ta’ Fuq.

Riżultat ieħor prestiġjuż ħafna nkiseb waqt il-Logħob tal-Mediterran li saru f’Oran, l-Alġerija. Hawnhekk il-kopja fid-doubles magħmula mill-plejer ta’ esperjenza Elaine Genovese u l-istilla li qed tikber Francesca Curmi qabżu kull aspettattiva billi rebħu l-midalja tal-fidda wara li għelbu lit-Taljani kwotati ħafna fis-semi finali u tilfu kontra koppja Spanjola qawwija. Din kienet l-unika midalja mirbuħa fi kwalunkwe sport mill-kontinġent Malti.

Fi tmiem il-laqgħa, il-President preżenta lis-Sur Gordon Asciak, is-Sur Chris Gatt, is-Sinjura Helen Asciak u s-Sinjura Carol Cassar Torreggiani b’tifkira speċjali għall-kisbiet u l-kontribuzzjonijiet konsiderevoli tagħhom fit-Tennis hekk kif dawn l-eks atleti ġew inkużi fl-MTF Hall of Fame.