Lokali Qorti

Vince Muscat saq lil Degiorgio sa fejn Chris Cardona u ddiskutew iċ-ċifra ta’ €150,000 qabel ma nqatlet Daphne Caruana Galizia

Vince Muscat li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal fil-Qorti li saq lil George Degiorgio lejn Portomaso biex jiltaqa’ ma’ Chris Cardona u jiddiskuti ċifra ta’ €150,000 fuq Daphne Caruana Galizia, tliet snin qabel il-qtil eventwali tagħha.

Muscat ta dettalji ġodda dwar l-allegat ftehim tal-2014 biex jinqatel lill-ġurnalista meta xehed f’azzjoni li saret fil-Qorti għad-danni istitwiti mill-familja tagħha. Il-qattiel, magħruf bħala il-Koħħu, qed jiskonta sentenza ta’ 15-il sena għar-rwol tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia fl-2017.

Waqt li xehed quddiem l-Imħallef Anna Felice, Muscat iddettalja r-rwol tiegħu bħala wieħed mit-tliet irġiel involuti fil-qtil u l-ippjanar biex titpoġġa tal-bomba li qatlet lill-ġurnalista. Imbagħad elabora dwar attentat preċedenti fuq ħajjitha, f’kumplott li qal li kien immexxi minn Cardona, l-eks Ministru tal-Ekonomija u kien jinkludi wkoll lil George Degiorgio li spiċċa wkoll ammetta l-każ u ġieikkundannat.

Muscat iddeskriva kif “xi tliet snin qabel” il-qtil tal-2017, Degiorgio kien qallu b’laqgħa ma’ Cardona. “Ħadtlu lil Degiorgio Portomaso u niżżiltu fir-roundabout,” hu qal, u żied li wara Degiorgio qallu li l-laqgħa kienet dwar is-somma biex “jeħles” minn Caruana Galizia.

“Ma qalli xejn aktar. Imma dawk il-€150,000 ġew minn hemm. Fil-verità qatt ma rajt lil Cardona imma George qalli li dawk il-€150,000 kienu ġejjin minn Cardona,” qal Muscat. Cardona kera flat b’kamra tas-sodda waħda f’Portomaso fl-2014 u kien ċaħad rapport ta’ Caruana Galizia li l-kera kienet qed titħallas minn negozjanti involuti fil-power station. Muscat iddeskriva li qatta’ “xi jiem” fuq il-Bidnija, fejn kien joqgħod il-ġurnalista. “Imma ma rajna xejn.

Deher li ħadd ma kien jgħix hemmhekk,” qal lill-Qorti. “George darba saħansitra qalli ‘ejja mmorru fil-parkeġġ.’ Rajna BMW possibilment użata minn Daphne Caruana Galizia. Ix-xhud kien kontro-eżaminat ukoll mill-avukat Anna Mallia, li tassisti lin-negozjant Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

L-avukat ta’ Fenech staqsiet jekk ix-xhud qattx semgħu b’Yorgen Fenech qabel il-qtil. Muscat wieġeb, fin-negattiv. “Sakemm seħħet il-bomba, le.” Hu kien mistoqsi wkoll jekk qatt tax informazzjoni lill-investigatur ewlieni s-Supretendent Keith Arnaud?

Muscat qal li “ma ftakarx jekk kellux.” L-Avukat Joseph Zammit Maempel, Peter Caruana Galizia, Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar irrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia. L-Avukat Daniel Attard kien qed jassisti lil Muscat.