Lokali Qorti

480 siegħa xogħol fil-kommunità fuq rapport falz ta’ bomba fl-istabbiliment minn fejn tkeċċa

Raġel ta’ 32 sena residenti l-Gżira ġie ordnat mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia biex jagħmel 480 siegħa xogħol fil-komunità u tqiegħed taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta li f’Lulju li għadda, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, ċempel lill-Pulizija li qalilhom li hemm bomba fl-istabbiliment MedAsia Playa. Dan il-każ kien qajjem paniku sħiħ tant li l-klijenti li kien hemm fil-post kellhom jiġu evakwati.

Għaldaqstant Shaun Farrugia ammetta li għamel rapport falz lill-Pulizija fejn mill-provi ħareġ ukoll li t-telefonata saret waqt li kien fis-sakra f’Tas-Sliema u li fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi bl-imġieba tiegħu kkaġuna
lill-haddiema tal-Medasia Playa u lill-persuni ohra biża li se tintuża vjolenza kontrihom.

Permezz tal-ammissjoni tiegħu huwa nstab ħati wkoll li permezz ta’ xi network jew apparat ta’ komunikazzjoni elettroniku hedded li jagħmel xi reat jew użu iehor mhux xieraq. Fil-Qorti, ħareġ li l-każ ġara fit-30 ta’ Lulju tal-2022 għall-ħabta tat-3am fl-istabbiliment MedAsia Playa.

Dan kollux ġara wara loi Farrugia tkeċċa mill-bouncer peress li kien fis-sakra, bl-Ispettur Godwin Scerri jgħid fil-Qorti li l-ħati kien talab lill-bouncer jerġa’ jdaħħlu peress li kien ħalla warajh xi affarijiet personali. Iżda ma tħalliex jidħol ġewwa, u b’ritaljazzjoni Farrugia ċempel lill-Pulizija u qalilhom li fl-istabbiliment kien hemm bomba.

Ġie deċiż li l-imputat qajjem paniku bla bżonn u tellef ħafna mill-ħin tan-nies esperti fil-bombi sakemm ġie aċċertat mill-Forzi Armati ta’ Malta li marru fuq il-post jispezzjonaw ma ma sabux xejn. Il-Qorti qalet dan hu reat serju li ħoloq ħafna xogħol u spejjeż għal xejn lill-Korp tal-Pulizija u lill-Armata Maltija.

Il-Maġistrat qiegħdet lil Farrugia taħt ordni ta’ probation biex jindirizza l-problemi f’ħajtu, fosthom il-vizzju tax-xorb, biex ma jerġax ixellef diffrejh mal-ġustizzja. Filwaqt, li qalet li permezz ta’ xogħol fil-komunità fl-istess post, l-imputat għandu jikkumpensa lis-soċjetà għad-dannu li kkaġunalha. Il-Qorti ordnat li kopja ta’ din is-sentenza tintbagħat lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole.