Lokali

Chris Fearne jevita d-domandi dwar dak li qal Robert Abela

U donnu issa saret prassi li l-Ministri jaħarbu mill-media…. tant li wara l-Ministru Aaron Farrugia, kien imiss lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne illi ħarab mid-domandi tal-ġurnalisti fejn saħansitra spiċċa ħareg minn entratura oħra biex żgur ma jsibx lill-ġurnalisti ma’ wiccu.

Wara stennija ta’ aktar minn sagħtejn, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne baqa’ qatt ma tfaċċa biex jirrispondi għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti…fosthom dwar il-kliem li lissen Robert Abela rigward il-kuntatti li qed ikollu mal-ġudikatura.

Fearne spiċċa jaħrab mill-media… minkejja li l-assitenza personali tal-Ministru iktar kmieni, ikkonfermatilna li l-Ministru kien se joħroġ mill-bieb prinċipali tal-Istpar tal-Onkoloġija wara li jintemm seminar dwar l-istrateġija ta’ pajjiżna għall-kura paljattiva. 

Din hija s-sekwenza tal-fatti kif seħħew.

Għall-ħabta tal-10.30am, il-membri tal-media kienu skoratati barra mill-Isptar tal-Onkoloġija. Dak il-ħin staqsejna lill-assistenta ta’ Fearne jekk il-Ministru, wara li jintemm is-seminar, kienx se joħroġ mill-bieb priniċpali ta’ dan l-isptar… u t-tweġiba kienet iva. Konferma ta’ dan kien il-fatt li l-karozza tal-Ministru kienet ipparkjata quddiem l-Isptar Sir Anthony Mamo tistenna lill-Ministru ħiereġ.

Għalhekk il-crew ta’ Net News stenna lill-Ministru fuq barra tal-entratura tal-isptar sakemm jintemm dan is-seminar u nagħmlulu serje ta’ mistoqsijiet – fosthom, dwar l-aħħar kontroversja li daħal fiha l-Prim Ministru. 

Għaddew sagħtejn… u l-Ministru tas-Saħħa deher jaqsam il-bridge li mill-Istptar tal-Onkoloġija jagħti għall-Isptar Mater Dei.

Ftit mumenti wara… ix-xufier tal-Ministru jistartja l-karozza… u jerħilha lejn in-naħa ta’ wara tal-Isptar Mater Dei biex jiġbor lill-Ministru minn post ieħor biex ovvjament jaħrab il-mistoqsijiet tagħna.

Uħud mill-mistoqsijiet li Net News kellu preparati għall-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kienu fost l-oħrajn biex jagħtina aġġornament dwar kemm hawn mediċini out of stock….u jekk qattx għamel bħall-Prim Ministru Robert Abela u kellem lil xi Maġistrat.

Iżda wara sagħtejn ta’ stennija… Net News baqa’ mingħajr ebda tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet… għax il-Ministru ħassu skomdu jikkonfrontana, u ddeċieda li jaħrab.