Lokali

Clayton Bartolo: “M’għandix għalfejn inkellem maġistrat”

Hekk kif qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Gvern wara l-istqarrija li għamel il-Ħadd Robert Abela f’Birkirkara, mhux il-Ministri kollha qed jieħdu l-istess pożizzjoni – min ifarfar, min jgħid li ma jkellimx membri tal-ġudikatura, u min jgħid li l-Prim Ministru għamel tajjeb.

Viżibbilment skomdu, il-Ministru Clayton Bartolo stqarr illi hu – kuntrarju għal dak li jagħmel il-Prim Ministru – m’għandux għalfejn ikellem Maġistrat. Bit-tweġiba tiegħu, għalkemm għall-ewwel deher li weħel, tkun fin-negattiv.

Pressat minn Net News dwar il-fatt li Robert Abela qal totalment l-oppost, il-Ministru tat-Turiżmu għażel li ma jibqax iwieġeb id-domandi.

Il-kontroversja kollha faqqghet wara d-diskors ta’ Abela l-attivita politika tal-Labour….u li kien għal kollox ikkundannat minn bosta professjonisti u esperti fil-qasam legali, fosthom il-Kamra tal-Avukati, li esprimiet id-diżappunt tagħha għal dak li qal il-Prim Ministru.

Il-Kamra insistiet li tali taħdidiet illi semma’ li kellu l-Prim Ministru ma’ Maġistrat dwar funzjoni tal-ġudikatura imorru kontra l-kodiċi tal-etika.

Dwar dan, Net News staqsa anke lill-Ministru Owen Bonnici – li għal xi żmien kien responsabbli wkoll mill-ġustizzja –  jekk hu qattx kellu xi taħdita ma’ Maġistrat. Iżda mingħajr ma weġibna IVA jew Le…bi skumdità enormi, ħarab mid-domandi u weġibna dwar il-Karnival.

Il-Ministru tal-Ġustizzja minn naħa tiegħu iddefenda lill-Prim Ministru Robert Abela b’mod sħiħ, u spiċċa jgħid lill-ġurnalisti illi l-azzjoni ta’ Abela kienet waħda ferm pożittiva.

Wara dan il-każ serju, il-PN qed jinsisti li Abela ghandu jirtira d-diskors li qal dwar il-ġudikatura…u jiskuża ruħu pubblikament.