Futbol Sport

Eks referee tal-Bundesliga jirbaħ somma flus lil federazzjoni tal-futbol fil-Ġermanja

(Ritratt: EPA)

Eks referee fil-Ġermanja ingħata kumpens ta’ €48,500 wara li l-qorti sabet li kien diskriminat meta ma tħalliex jirrefja aktar minħabba l-età. Il-Qorti fi Frankfurt sabet li Manuel Gräfe ta’ 49 sena, li b’kollox ikkontrolla 289 logħba tal-Bundesliga mill-2004 sal-2021, kien żvantaġġjat mill-federazzjoni Ġermaniża.

Il-Qorti qalet li ma kienx ġustifikat li l-federazzjoni, magħrufa bħala d-DFB, timponi restrizzjoni ġenerali fuq l-età tar-referees fil-livell elite mingħajr evidenza xjentifika jew bl-użu ta’ miżuri bħal performace tests. Madankollu, il-qorti ċaħdet talba għad-danni inkluż qligħ mitluf, u ddeċidiet li Gräfe ma pprovdiex evidenza li turi li kien xorta waħda jintgħażel għal-logħob li kieku l-limitu tal-età ma kienx fis-seħħ.

Il-FIFA ddeċidiet fl-2014 li tneħħi l-limitu tal-età għar-referees fil-logħob internazzjonali. Madankollu, ir-regoli tal-FIFA jgħidu li referees ‘il fuq minn 45 sena xorta jistgħu jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tekniċi addizzjonali kif ukoll eżamijiet mediċi speċifiċi u testijiet tal-kundizzjoni skond il-każ.

Wara 289 preżenza fil-Bundesliga, Gräfe kien imġiegħel itemm il-karriera s-sena l-oħra wara minħabba restrizzjonijiet ta’ età. Huwa kien fittex lid-DFB, li kien ikkritika pubblikament diversi drabi fl-aħħar xhur, għal danni ta’ €190,000.

Gräfe qal li l-għan primarju tal-kawża kien li tikkonferma li l-età kienet ir-raġuni użata minn DFB biex teħles minnu. L-imħallef qal li għalkemm id-DFB ċaħadha, hemm biżżejjed evidenza biex wieħed jassumi, limitu ta’ età, . Il-qorti ma laqgħetx it-talba għall-ammont mitlub minn Gräfe minħabba li r-referee ma kien ikollul-ebda garanzija ta’ ċertu numru ta’ partiti anke kieku baqa’ fuq il-lista tal-Bundesliga.

Ġurnata qabel is-sentenza tal-Qorti, l-eks referee tat-Tazza tad-Dinja Felix Brych ħabbar li jixtieq ikompli jirrefja fil-Bundesliga fl-età ta’ 48 sena, wara dan is-sajf. Il-limitu tal-età mhuwiex stipulat fl-istatuti tad-DFB iżda ilu prattika komuni għal ħafna snin fil-Ġermanja.