Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għax kien iġiegħel lil ommu tgħaddilu l-pensjoni miżera għad-droga

Raġel ta’ 40 sena mill-Ħamrun li ismu mhux mhux qed jixxandar biex tiġi protetta l-identita ta’ ommu ta’ 72 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li sabitu ħati li kien iġiegħel lill-ommu tgħaddilu l-pensjoni biex jonfoqhom għad-droga.

Id-dħul mill-pensjoni €580 fix-xahar bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali. L-omm qalet li kuljum kien jitlobha bejn €50 u €60 u meta ma kinitx tagħtihomlu kien anke jwaddbilha oġġetti u kien ikollha tissakkar f’xi kamra sakemm iċċedi u tagħtihomlu.

Tant kemm tinsab f’kundizzjoni prekarja li saħħitha marret lura u għandha tħallas €3,000 għad-dawl u l-ilma għax il-benefiċċju soċjali ma jservihiex. Dakinhar li talabha l-flus u qaltlu li ma kellhiex x’tagħtih sar aggressiv u bħalma kien jgħidilha s-soltu qalilha “mejjet biex noqtlok”. Kien hemm li l-anzjana ddeċidiet li tagħmel rapport.

Huwa nstab ħati li wettaq dan ir-reat f’Novembru li għadda u qabel u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq kawża oħra u sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fl-2018.

L-omm kienet ilha tistaporti lil binha u kien f’Jum l-Omm li ddeċidiet li tagħmel rapport fejn qalet li binha li jgħix magħha, kien kuljum jitlobha l-flus għad-droga u jekk ma tagħtihx flus kien isawwatha. Minbarra fuq is-swat huwa kien ġie mixli mill-Ispettur Omar Zammit li kien ibeżża’ lil ommnu bl-attitudni tiegħu.

Ir-raġel tressaq fil-Qorti fejn l-omm xehdet li d-dħul tagħha kien biss €580 fix-xahar bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Qalet li kienet ilha tliet snin tgħix din il-ħajja u ma kinitx tmur tagħmel ċertifikati mediċi għall-feriti li kien jikkaġunalha għax binha kien ifittex fid-dar għall-karti.

Il-Qorti qalet li minkejja li l-imputat ċaħad dak li qalet ommu hi temminha u għalhekk sabitu ħati. Hi nnutat ukoll li l-omm qalet li tixtieq li binha jagħmel il-programm ta’ rijabilitazzjoni biex jibdel ħajtu u li lesta taħfrilu biex tonqoslu l-piena.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qieset li r-raġel għandu 11-il kundanna fosthom serq, ksur tal-liġijiet tas-sewqan u attentat ta’ qtil. Il-Qorti qalet li r-raġel ingħata diversi opportunitajiet biex ibiddel ħajtu imma baqa’ ma tgħallem xejn.

Mill-provi migbura, l-Qorti qalet li hi moralment konvinta li l-imputat mhux kapaci jindirizza l-problema akuta tat-tossikodipendenza tieghu jekk dan ma jagħmlux f’ambjent konfinat tal-ħabs. Dwar il-piena ħadet konsiderazzjoni taż-żmien twil li huwa abbuża minn ommu u rrikonoxxiet li għall-omm ma kienx faċli li tirrapporta lil binha.

Il-Qorti ma tistax ma tosservax li l-imputat kien qiegħed jabbuza wkoll mill-qalb ħanina ta’ ommu, u kull darba jassumi li għalkemm hija tirraportah lill-Pulizija, jekk jittieħdu proċeduri kriminali kontrih kienet imbagħad se taħfirlu, kif dejjem għamlet s’issa.

Il-Qorti kkundannat lir-raġel ħames snin ħabs u ordnat li €1,500 f’garanzija personali fuq kawża oħra jgħaddu għand il-Gvern. Ordni oħra li ngħatatlu hi li għall-perjodu ta’ tliet snin ma jdejjaqx lil ommu. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja ta’ l-Ordni tat-Trażżin tigi komunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija.