Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-inizjattiva tal-Gvern għal għajnuna lil min irabbi n-naħal kontra l-bagħal taż-żunżan

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-inizjattiva mħabbra mill-Gvern dwar fondi li se jkunu qed jingħataw lil individwi li joperaw fil-qasam tat-trobbija tan-naħal biex tkun ikkontrollata l-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti għal numru ta’ xhur dwar il-ħtieġa ta’ ħidma dwar din il-kwistjoni, tant li fi stqarrija ppubblikata fil-31 ta’ Awwissu li għadda, bit-titlu “Jinħtieġ pjan biex tkun ikkontrollata l-popolazzjoni ta’ bagħal taż-żunżan li qed thedded il-produzzjoni tal-għasel min-naħla”, il-Partit Nazzjonalista kien saħaq dwar l-ħtieġa ta’ pjan u għajnuna finanzjarja biex il-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan tkun mitigata.

Is-settur tal-apikoltura hu qasam li għandu għeruq fondi fl-identità tradizzjonali ta’ pajjiżna u għaldaqstant, hu fundamentali li dan ikun protett. Filwaqt li jilqa’ l-aħbar li se tingħata għajnuna, il-Partit Nazzjoanlista jinsisti li l-Gvern għandu jassigura li din l-għajnuna tkun aċċessibbli għal kulħadd mingħajr dewmien żejjed.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina.