Ekonomija Lokali

Il-piż taż-żieda fil-prezzijiet iġib tħassib fost in-negozji

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti jew materjal, u ż-żidiet li se jkollhom jagħtu fil-pagi lill-ħaddiema huma l-akbar tħassib tan-negozji u l-imprendituri f’pajjiżna. Bi 2 minn kull 10 biss jgħidu illi lesti jespandu l-operat tagħhom matul l-2023 u 61% tal-imprendituri jindikaw li din is-sena se tkun l-istess jew agħar mis-sena ta’ qabel.

Dan joħroġ minn survey ippubblikat mill-Kamra tal-SME’s hekk kif ma’ dan it-tħassib jiżdied ukoll dak tan-nuqqas ta’ ħaddiema, b’dawn il-fatturi qed jinkwetaw lil 35 fil-mija tan-negozji.

Fi spjegazzjoni li ngħatat tul konferenza tal-aħbarjiet, iċ-Chamber tal-SME’s tat ħarsa wkoll lejn it-tħassib tan-negozji fuq rigward ta’ ħaddiema u t-talent. Dwar dan … Net News, tkellem ma’ Abigail Agius Mamo il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs illi spjegatilna x’inhu jwassal għal dan it-tħassib.

Irridu nagħmlu sforz li t-talent lokali nindukrawh u naraw li jibqa’ Malti. Irridu wkoll noffru pakketti aħjar, bħal pajjiżi oħra, biex nattiraw it-talent mill-UE u anki minn pajjiżi oħra. Malta rridu nagħmluha aktar attreanti, għandna problema biex nattiraw it-talent li għandna bżonn, kemm bħala numri u kemm bħala valur” – Abigail Agius Mamo

Is-survey juri li l-anqas element li qed iħasseb lin-negozji huwa li ma jkunx hawn turisti tul din is-sena.

Madankollu għal 29% tan-negozji li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ, is-sena 2023 mhux se tara kambjament fin-negozju tagħhom, bi 11% jgħidu li huma inċerti dwar x’se jiġri tul din is-sena.

Dwar l-aspett tal-inċertezza u ż-żieda fil-prezzijiet, Agius Mamo qalet li dawn il-piżijiet qed jiżdiedu wkoll kaġun tal-importazzjoni.

“Nafu li bħala pajjiżi rridu nkunu aktar reżiljenti, irridu li jkollna ċertu livell ta’ stabbiltà” Irridu naraw strateġikament kif forsi anki nbiddlu l-istil ekonomika tagħna biex naffrontaw dawn l-isfidi” – Abigail Agius Mamo

43% qalu li l-aspettattivi għal din is-sena se jibqgħu l-istess, bi 39% jgħidu li s-sena se tkun aħjar u 18% jgħidu li s-sena 2023 se tmur għall-agħar. Mill-istħarriġ irriżulta li 8% ta’ dawk li ħadu sehem qalu li se jkunu qed jaraw il-possibbiltà li jieħdu n-negozju tagħhom onlajn.

Intant ġie konkluż li r-raġuni ewlenija li taw in-negozji għalxiex naqas il-bejgħ fl-2022 kienet in-nuqqas ta’ potenzjal li kellu l-konsumatur biex jixtri, bir-rata kienet ta’ 23%. Ir-raġunijiet l-oħra li nagħtaw kienu l-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet.

F’dan l-istħarriġ ipparteċipaw 237 negozju u sar bejn it-12 u 27 ta’ Jannar ta’ din is-sena.