Lokali

Il-PN jistaqsi għaliex l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna baqgħu siekta u wieqfa wara x-xhieda fil-Qorti li timplika lil Chris Cardona

Taħt Robert Abela qed tkompli tirrenja l-kultura ta’ impunità li ħoloq Joseph Muscat f’pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna baqgħu siekta u wieqfa wara li, f’xhieda fil-Qorti, xhud tal-Istat implika lill-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu xokkanti li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jidher li qed jieħdu l-ebda azzjoni dwar dak li ntqal taħt ġurament fil-Qorti.

Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa llum mid-deputat Karol Aquilina.

Il-PN fakkar kif din il-ġimgħa, ix-xhud tal-Istat (Il-Koħħu) stqarr taħt ġurament li hu wassal lil waħda mill-persuni li nstabet ħatja li wettqet il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex tiltaqa’ ma’ Chris Cardona ħalli jiddiskuti s-somma ta’ €150,000 li kellha titħallas biex tiġi maqtula l-ġurnalista.

Is-silenzju u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jikkonfermaw kif taħt il-Prim Ministru Robert Abela għadha tirrenja l-istess kultura ta’ impunità li ħoloq Joseph Muscat kemm dam Prim Ministru.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-kultura ta’ impunità li ħoloq Joseph Muscat, u li qed ikompli jwettaq Robert Abela, għandha titwaqqaf darba għal dejjem u minflokha, pajjiżna għandu jkollu kultura ta’ verità u ġustizzja. Hekk biss jista’ s-sewwa jerġa’ jibda jirbaħ f’pajjiżna.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern għandu jieqaf jindaħal lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u minflok, għandu fost oħrajn jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jitwettqu fl-iqsar żmien possibbli. Hekk biss jista’ jkun żgurat li ssir magħrufa l-verità kollha u politiċi bħal Joseph Muscat, Keith Schembri, Chris Cardona u Konrad Mizzi ma jibqgħux protetti mill-istituzzjonijiet li support qed jipproteġu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.