Bank u kumpanija rebħu kawżi fil-Qorti fejn ordnat lill-kumpanija falluta More Supermarkets u l-eks Direttur tagħha Ryan Schembri tħallashom kawżi €650,000. Minbnarra dawn hemm kumpaniji oħra li għad għandhom kawżi pendenti fil-Qorti għax għandhom jieħdu l-flus.
Il-Qorti ordnat lil Schembri u More Supermarkets iħallsu lil BNF Bank u lill-importatur tal-ikel Alf. Mizzi u Sons il-flus li dovuti. Schembri qed jiffaċċja separatament proċeduri kriminali dwar ħasil ta’ flus u frodi.
In-negozjant kien sparixxa fl-2014, u ħalla warajh diversi djun li jiswew miljuni ta’ ewro. Huwa maħsub li kien ħarab minn Malta b’madwar €40 miljun fi djun. Huwa kien eventwalment arrestat fir-Renju Unit mill-Pulizija Skoċċiża u estradit lejn Malta s-sena l-oħra biex jiffaċċja akkużi, li għadhom pendenti.
L-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel f’kumpless ta’ garaxxijiet meta kien sejjer għall-karozza tiegħu kien wieħed mill-‘investituri’ fil-katina tas-supermarkets wara li personalment kien daħal f’kuntratt ma’ Schembri biex jisselliflu s-somma ta’ €750,000.
Il-każ tal-BNF Bank kien oriġinarjament ippreżentat fl-2015, meta Schembri kien għadu nieqes u l-kredituri bdew jiġru wara l-flus tagħhom. Il-bank kien qal fil-Qorti li kien dovut kważi €1.4 miljun, li jirrappreżentaw €858,000 mogħtija permezz ta’ self kummerċjali u ftit aktar minn €530,000 f’faċilità ta’ overdraft.
Madankollu, matul il-proċedimenti, il-bank kien irċieva somom biex iħallsu ftit mill-flus dovuti li niżlu għal €393,209. L-Imħallef Christian Falzon Scerri laqa’ t-talba tal-bank u ordna lil More Supermarkets tal-Ħamrun, Ryan Schembri, Angie Schembri, Etienne Cassar, Nathalie Carmen Cassar, Cassar & Schembri (Marketing) Limited, Panelix Supplies Limited, Imora Holdings Limited, Alexander Polidano, Adrian Agius, K Consult Limited, Christian Delia u Kurt Camilleri biex iħallsu l-ħlasijiet pendenti.
F’każ separat, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza li fiha l-istess kumpanija More, Ryan Schembri, Darren Casha u oħrajn ġew ordnati jħallsu lil Alf. Mizzi and Sons Limited €250,600 kienu dovuti bħala ħlas għall-oġġetti tal-ikel ikkunsinnati lill-ħwienet kollha ta’ More Supermarkets qabel ma falliet il-katina.
//= $special ?>
