Lokali

“Il-Gvern iqassam kwota tat-tonn lil min l-anqas għandu biex jaqbadha” – sajjieda jitkellma fuq l-inġustizzja preżenti

Episodju ieħor fejn il-konsultazzjoni ma saritx jew issir tard.

Hekk iddeskrivew is-sitwazzjoni preżenti diversi sajjieda illi tkellmu ma’ dan l-istazzjon dwar kif ser titqassam il-kwota tat-tonn ta’ 44 tunnellata għas-sena 2023. Għaliex minkejja li ilhom aktar minn xahar jippruvaw jikkorrispondu mal-gvern biex ikunu parti mid-diskussjoni, dawn ġew injorati għal kollox.

Net News tkellem ma’ għadd ta’ sajjieda illi qalulna x’inhu it-tħassib tagħhom.

Bis-sajjied Michael Carabott tkellem magħna dwar l-inċertezza preżenti.

“Sa issa ma nafux x’se jiġri, issa għandna laqgħa hawnhekk biex forsi naraw x’se jiġri, milli jidher, l-antiki, se nibqgħu b’xejn, issa għandna laqgħa u naraw x’se jiġri”

Anthony Carabott qalilna li meta tkun ġejja elezzjoni tibda tara affarjiet li ma tistennihomx, bil-Gvern iqassam kwota tat-tonn lil min m’għandux min jaqbadha.

“Kull sena meta tkun ġejja elezzjoni nibdew naraw affarjiet li ma tistennihomx. Il-Gvern qed iqassam kwota tat-tonn, lil min lanqas għandu biex jaqbadha”

Joseph Bugeja min-naħa tiegħu spjega ma’ Net News x’inhi id-diskrimazzjoni u serq li qed isir. U qal li jiddispjaċih għas-sajjieda ż-żgħar li m’għandhomx leħen.

“Jien naħseb li mas-sajjieda Maltin u Għawdxin saret diskriminazzjoni, qed nitkellem fuq il-bycatch, il-pastazata li saret, li dis-sena kien hemm kwota 10,000 tunnellati, il-pastazata li saret hi li dawn iddaħħlu fi 12-il siegħa, dan serq għas-sajjieda, għax dawk li suppost qabduha, ma daħluhiex huma, meta aħna s-sajjieda konna ndaħħluha fi 3 ġimgħa, u kien ikollna 3,000 u mhux 10.”

Fl-aħħar jiem il-PN appella biex il-Gvern iħares bix-xieraq lil dan is-settur, bil-PN jgħid li l-Gvern jeħtieġ jisma u jixtar dak li qed jgħidulu s-sajjieda qabel jiddeċiedi.