Internazzjonali

L-Iran: ‘Lest li jpattiha lil Iżrael’ għal attakk bi drone fuq Isfahan

L-awtoritajiet Iżlamiċi tal-Iran qed iwaħħlu f’Iżrael għal attakk bi drone fuq sit militari fil-belt ta’ Isfahan, li tinsab fiċ-ċentru ta’ pajjiżhom.

L-Ambaxxatur Iranjan għan-Nazzjonijiet Uniti, Amir Saeid Iravani, qal li l-indikazzjonijiet kollha qed jippuntaw lejn Iżrael bħala ‘l-awtur ta’ din l-aggressjoni’. Dan waqt li tenna li l-Iran qed jirriserva d-dritt biex ‘iwieġeb b’mod determinat għal kull theddid jew aġir ostili min-naħa tal-Iżraeljani’.

Iżrael la kkonferma u lanqas ma ċaħad li kien wara l-attakk fuq Isfahan. L-Iranjani, intant, qalu li l-attakk irriżulta fi ħsarat minimi, b’dan ma jkunx ikkonfermat mis-sorsi indipendenti.

Iżrael u l-Iran huma avversarji kbar ta’ xulxin u jinsabu involuti fi ‘gwerra sigrieta’ iddominata bl-attakki fuq l-assi u l-infrastruttura rispettivi u mingħajr l-ebda naħa ma tieħu r-responsabbiltà. Dan ukoll meta l-aġenti taż-żewġ pajjiżi wettqu attakki fuq persuni influwenti ‘tan-naħa l-oħra’ u meta hu allegat li l-Iżraeljani qatlu numru ta’ xjenzati Iranjani involuti fl-iżvilupp tal-armi projbiti.