Futbol Sport

L-ixjaħ plejer tad-dinja jingħaqad ma’ Oliveirense fit-tieni diviżjoni Portugiża

Il-karriera tal-attakkant Ġappuniż Kazuyoshi Miura għadha miex lesta hekk kif l-Erbgħa kien imħabbar bħala l-akkwist ġdid b’self tat-tim tat-Tieni Diviżjoni Portuġiża Oliveirense mingħand Yokohama FC tal-Ġappun. Miura se jgħalaq 56 sena fis-26 ta’ Frar.

L-avventura l-ġdida tiegħu fil-Portugall tirrappreżenta s-sitt pajjiż li fih lagħab, wara perjodi fil-Brażil, il-Ġappun, l-Italja, il-Kroazja u l-Awstralja.

F’intervista li kien ta, Miura kien qal li jixtieq jibqa’ jilgħab sakemm ikollu 60.

Miura qatta’ l-istaġun li għadda b’self ma’ Suzuka Point Getters, fejn skorja żewġ gowls fi 18-il dehra għat-tim Ġappuniż tar-Raba’ Diviżjoni u li huwa mmexxi minn ħuh il-kbir Yasutoshi.

Dan it-traferiment sar aktar faċli hekk kif f’Novembru li għadda, il-klabb tiegħu Yokohama xtara l-maġġoranza tal-isħma ta’ Oliveirense

Miura beda l-karriera tiegħu mat-tim Brażiljan Santos fl-1986 u sar l-ixjaħ plejer li skorja f’logħba tal-kampjonat professjonali Ġappuniż bil-gowl tiegħu fl-2017 kontra Thespakusatsu Gunma ta’ 50 sena u 14-il jum.

Imsejjaħ ‘King Kazu’ fil-Ġappun, Miura huwa wieħed mill-isportivi l-aktar maħbubin tal-pajjiż u kien il-wiċċ tal-J League meta tnedieda fl-1993.

Huwa skorja 55 gowl f’89 logħba għat-tim Nazzjonali tal-Ġappun.