Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: L-ebda sħubija ‘ta’ malajr’ għall-Ukrajna…

It-tamiet tal-Ukrajna li tissieħeb malajr fl-Unjoni Ewropea ma jidhrux li se jkunu realizzati u meta għada, (il-Ġimgħa), fi Kiev, għandu jsir summit storiku bejn l-Unjoni u l-Gvern Ukren.

Il-Prim Ministru Ukren Denys Shmyhal qal li l-Ukrajna fasslet ‘mira ambizzjuża’ li tesiġi biex il-pajjiż jissieħeb fl-Unjoni Eweropea fi żmien sentejn, Madankollu, uħud mill-Istati membri tal-Unjoni wissew li dan it-tragward mhux se jkun possibbli f’daqstant qasir żmien.

F’Ġunju li għadda, il-kandidatura tal-Ukrajna għal sħubija fl-Unjoni kienet approvata fi żmien qasir rekord u bħala ‘mument storiku’. Iżda għalkemm il-kandidatura hi l-ewwel pass lejn l-isħubija fil-grupp tal-Istati Ewropej, dan il-proċess is-soltu jieħu ħafna snin u fil-preżent hemm diġà numru ta’ pajjiżi li qegħdin jistennew l-aħħar fażi tal-proċess qabel l-isħubija.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky sadanittant  qal li dawn is-sigħat se jkunu dedikati lill-proċess għall-integrazzjoni Ewropea u li Kiev qed jistenna d-deċiżjonijiet mingħand is-sieħba fl-Unjoni Ewropea…Deċiżjonijiet li għandhom jirriflettu l-progress lejn l-isħubija tal-Ukreni minkejja l-gwerra li għaddejja bħalissa mar-Russja.