Lokali

“Ma xtaqtx nidher fuq l-aħbarijiet, iżda ma ħallewlix triq oħra”

“Tbatija kbira, stress mentali, ninsab imweġġa’ li qabel l-elezzjoni wegħduna kollox u issa baqa’ sar xejn”

Dan hu dak li rajna u dak li qalulna omm u bint, Carmen u Amanda residenti fi blokka tal-Gvern f’Santa Luċija fejn tkellmu magħna dwar inġustizzja fil-konfront taghhom, minħabba li l-Gvern wiegħed li jsir lift.

Ix-xogħol kien beda ftit xhur qabel l-elezzjoni, u waqaf kollox wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet.

Amanda spjagat ma’ Net News li llum spiċċaw ibatu l-konsegwenzi, kemm ta’ saħħa fiżika u kif ukoll saħħa mentali. Huma qalu magħna li qed iħossuhom abbandunati.

“Tbatija kbira, anki stress mentali, ilna magħluqin ġewwa daqs sena u nofs, ħafna ħmieġ, it-taraġ mhux marbut sew, imweġġa’ ħafna li għall-Elezzjoni ġew wegħduna, u spiċċajna hekk, sena u nofs abbandunati. Spiċċajna nbatu mid-dipressjoni, anki fuq aspett ta’ saħħa fiżika, spiċċajna b’aktar piż, għax mhux niċċaqilqu.”

Is-sitwazzjoni f’din il-binja hija waħda prekarja, bil-periklu ma jonqosx, fejn anki l-poġġaman lanqas baqa’ imwaħħal kif inhu xieraq, dan filwaqt meta tipprova żżomm miegħu, mill-ewwel jibda jiċċaqlaq.

L-omm u l-bint spiċċaw saħansitra iżommu l-boroż taż-żibel id-dar għax f’ċertu ġranet ma jkunux jistgħu jinżlu biex joħorġu l-iskart.

“Stress, il-ħin kollu stress, anki biex iniżżlu borża, irridu noqogħdu nistennew meta se noħorġu, mhux se noqogħdu ninżlu għall-iskart biss”

Huma qalulna li qatt ma xtaqu jidhru fuq it-televiżjoni, iżda ma felħux aktar. Bil-Ministri dejjem iwegħdu li jsir xi ħaġa, iżda kollox jibqa’ kif inhu.

“Din kienet l-aħħar pass li stajt nieħu. Jien qatt ma xtaqt nidher fuq it-televiżjoni, iżda ma kellix triq oħra. Kellimna ħafna Ministru, jgħidulna iva, u ma jiġri xejn. Qed jgħadduna minn għajn il-labra.”