Lokali Qorti

Persuna anonima tat l-informazzjoni fuq l-inċident ta’ Paceville li fih inqatel Rumen

Kien persuna anonima li qal lill-Pulizija x’ra fl-inċident li seħħ ix-xahar li għadda f’Paceville fejn fih inqatel Rumen li kien aggredit bi 17-il daqqa ta’ sikkina. Meta uffiċjal tal-Pulizija xehed dwar dan id-difiża rreaġixxit bil-qawwa kollha fejn qalet li jekk din il-persuna, kif qal l-uffiċjal tal-Pulizija, trid tibqa’ anonina u għalhekk mhijiex se tixhed, allura dan huwa kollu ‘hearsay’.

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Nadine Lia kompliet il-kumpilazzjoni tat-tliet Rumeni mixlijin bil-qtil fejn qed jiġu akkużati l-aħwa Ionut-Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena u kuġinuhom Ilie Constantin ta’ 31 sena. L-Ispettur L-inċident li seħħ fi Triq Ross fil-5 ta’ Diċembru li għadda fit-3.30pm. bil-vittma jmut fl-Isptar Mater Dei.

Ix-xhieda fil-kumpilazzjoni tal=Ħamis kienu kollha membri tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati San Ġiljan. L-ewwel ma xehed kien Surġent, li qal li kien l-Għassa ta’ San Ġiljan fejn daħlet informazzjoni raġel kien qala’ daqtejn ta’ sikkina. Qal li mar bil-karozza tas-servizzi ma’ żewġ Pulizija oħra fejn ħanut tax-xorb f’Ross Street.

Kif waslu raw folla ta’ nies quddiem pastizzerija u hemm kien hemm raġel ta’ statura mibnija sew u għadd ta’ nies jassistuh. Kien ta’ karnaġġon Mediterranju u kellu d-demm ħiereġ minn għonqu u tbajja tad-demm ma’ dahru. Ix-xhud qal li beda jistaqsi n-nies dwar x’ġara u ma ġarax,

Tenna li ma marx ikellem lir-raġel ferut għax kien jidher li kien bid-dagħdiha fejn lanqas biss tkellem. Kompla jgħid li ħadd ma qallu xejn minn dawk li kien hemm fil-post. Tenna li ftit wara waslet ‘fast ambullance’ b’ infermier u wasal ukoll it-tabib Michael Spiteri. Wara waslet ambullanza mill-isptar Mater Dei.

Ix-xhud qal li nnota rqajja tad-demm f’sailb it-toroq minn Triq San Ġorġ li taqta ma’ Triq Ross. Huwa għamel minn kollox biex fejn l-inċident ma jintrifisx, u dan għal xi ftit minuti. Tenna li ma setgħux jagħlqu l-inħawi mill-ewwel għax din fiha biċċa xogħol sew peress li jiġu karozzi minn toroq differenti.

Madankollu xorta ħa azzjoni u wara t-traffiku beda jiġi devjat. Wara daħal il-ħanut Big Cheese u sab ħaddiem fejn dan kellu xi nies fuq il-mejda, li kienu barranin. Wieħed qallu li jaf li nqala’ xi ġlied u li kien spiċċa għal nofs it-triq. Kienet ġiet indikata banketta li kienet f’nofs it-triq u tabella li allegatament skont tal-ħaddiem tal-post, il-vittma ssawwat biha.

Kien hemm ukoll vann bil-kaxxa miftuħa u ma’ l-art kien hemm skufja li huwa fehem li setgħet waqgħet minn fuq wieħed minn dawk involuti fil-ġlieda. Fil-ħin li kien qed jiċċekkja ma’ ħwienet oħra, x-xhud qal li mar fuqu bniedem li xtaq jibqa’ anonimu.

Dan qallu li xi nies minn dawk involuti, għandhom x’jaqsamu ma ċirku ta’ prostituzzjoni. Qallu li lest li jagħtih informazzjoni imma biss sakemm jibqa’ anonimu. Qallu li kien hemm xi nies li bdew jieħdu t-te u mar grupp ta’ nies ieħor u nqalgħet kwistjoni, l-qiegħa saħnet u trasformat fi ġlieda vjolenti. Il-persuna li ttieħed bl-ambullanza kien iżola ruħu u spiċċa jaqla’ mingġand xi tnejn jew tliet irġiel.

Hawn l-Avukat tad-Difiża Franco Debono qal lill-Qorti li persuna anonima li mhux se ttitella tixhed din tfisser kollu ‘hearsay’. Ix-xhud qal li dwar dan ix-xhud, hu kien informa b’kollox lis-superjuri tiegħu. L-istess persuna anonima semmietlu wkoll li f’xi ħin osserva aktar minn sikkina waħda nvoluta fil-ġlieda.

Kompla jgħid li l-inċident seħħ 10 minuti qabel ma wasal hu jiġifieri fit-3.25am. Qal ukoll li lil sieħbu għaddewlu xi mobile phone ta’ xi ħadd li kellu x’jaqsam ma’ l-inċident. Meta mar fuq il-post, tenna s-Surġent hu kien qed jikkomunika ma’ l-Ispettur Kurt Zahra.

L-Avukat Charmaine Cherrett staqsiet lix-xhud; meta mort fuq il-post kien f’dagħdiha, x’tip ta’ dagħdiha kienet? Kien żgur taħt xokk. F’ħin minnhom qam ftit u reġa’ waqa’. Dwar il-persuna anonima, qal li din hi ta’ ċertu affidabilità. L-Avukat Debono kompla jinsisti li din hija ‘hearsa’ u tibqa’ ‘hearsay’ ladarba mhux se tiġi prodotta bħala xhud għax id-difiża m’għandha l-ebda kontroll fuq id-dikjarazzjonijiet li għamlet. Għaldaqstant id-difiża, qalet li minn issa qed toġġezzjona għall-ammissabilita għal dawk il-partijiet tax-xhieda u allegati dikjarazzjonijiet tal-persuna anonima.

Wara xehed Surġent ieħor tal-Pulizija li qal li bejn il-lejl tal-5 u s-6 ta’ Diċembru għall-ħabta tal-5.00am t-tliet akkużati daħlu l-Għassa ta’ San Ġiljan biex jirraportaw li kienu nvoluti f’każ. Tenna li tahom id-drittijiet legali tagħhom u qalilhom li kien se jiġu arrestati.

L-aħħar xhud kien Kuntistabbli li qal li għall-ħabta tat-3.30am kien infurmat li nqala’ argument bis-skieken fejn wieħed ġie aggredit. Tenna li mar fuq il-post u l-vittma kien bilqiegħda u xi nies ħdejh. Qal li marru xi nies li ppreżentawlu xi mobile li kien tal-vittma.

L-Avukat Arthur Azzopardi, staqsa jekk kien tal-pastizzi li għaddihulu u huwa wieġeb li iva. Kompla li dak il-ħin huwa m’għaddih lil ħadd u poġġieh fil-karozza għax kien qed jaassisti lit-tabib. Għaddieh lil persuna pajżana stazzjonat il-forensika. Ma jiftakarx lil min għaddih, jista jkun lil Keith Cutajar, huwa qal.

Fl-aħħar tas-seduta sar aċċenn mid-difiża għal xhieda pajżana. Id-difiża talbet lill-Qorti tissoleċita lill-Prosekuzzjoni biex jekk hemm x xhieda pajżana jinġiebu ma’ l-ewwe opportunità. Il-Pulizija qalet li se tagħmel l-almu dwar dan. Il;-każ ikompli fit-2 ta’ Marzu, 2023 fil-11.00am.

L-Ispettur Kurt Zahra u Brian Xuereb qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Darlene Grima u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Franco Debono, Marion Camilleri u Charmaine Cherret qed jidhru għall-akkużati.